Saħħa
Jistenna b’ħerqa x-xogħlijiet fit-tieni dar residenzjali għal pazjenti bl-ALS

Mistenni jibda x-xahar id-dieħel ix-xogħol ta’ twaqqiegħ u tħammil għat-tieni dar residenzjali għal persuni bil-marda newroloġika tal-ALS. Il-proġett, f’Ħaż-Żebbuġ, mistenni jiswa sitt miljun Ewro.

Ma’ TVM, il-fundatur tal-Fondazzjoni ALS Malta, Bjorn Formosa, jgħid li kull ġurnata hi rebħa għalih, anke jekk b’ħafna tbatija.

”L-unika mod huwa, kemm jista’ jkun… tagħmel kuraġġ… u aħna rridu nbiddlu dawn id-diffikultajiet u dawn it-tbatijiet f’affarijiet pożittivi biex kemm jista’ jkun, inkunu nistgħu ngħinu nies oħra… dak huwa l-messaġġ tiegħi għal dan iż-żmien tas-sena.”

Bjorn Formosa qed jipprova jbiddel it-tbatija personali tiegħu f’tama għal dawk li qed isofru mill-kundizzjoni tal-ALS.

Din il-missjoni wettaqha diġà b’bosta inizjattivi fosthom il-proġett ta’ dar residenzjali f’Ħal Qormi għal pazjenti bil-kundizzjoni tal-ALS.

”Hawn tlettax-il persuna jgħixu hawn, però għandna waiting list li llum il-ġurnata lanqas biss nistgħu ngħodduha… illum żdiedu ħafna d-domanda ta’ nies li għandhom bżonn din l-għajnuna.”

Bjorn qed jaħdem biex iwettaq ħolma akbar, proprjetà f’Ħaż-Żebbuġ li se tkun it-tieni dar residenzjali għal dawk bl-ALS. Il-proġett jirrikjedi investiment ta’ sitt miljun ewro.

”Il-post xtrajnih, jekk Alla jrid issa x-xahar li jmiss jibda l-proġett ta twaqqiegħ u eskavazzjoni tal-post il-ġdid u ovvjament minn hemmhekk biex ilestu l-proġett fadal triq twila u ammont ta’ fondi biex il-proġett jitlesta kemm jista’ jkun malajr.”

L-akbar sodisfazzjon għal Bjorn Formosa hu li minkejja d-diffikultajiet personali, minn meta fl-età ta’ 28 sena sar jaf li għandu l-ALS kiber ħafna l-għarfien dwar din il-kundizzjoni. Dan seħħ fost l-oħrajn bit-twaqqif ta’ fondazzjoni li qed tkun ta’ spalla għall-persuni b’din il-kundizzjoni. Għal Bjorn iżda, l-iżjed fattur li jimlilu qalbu b’kuraġġ kien il-progress fir-riċerka dwar l-ALS, li jittama twassal għal kura effettiva.

“Mindu bdejna bl-ALS, illum il-ġurnata l-affarijiet inbidlu ħafna, qabel ma kien hawn xejn u illum kemm jista’ jkun intuhom kemm jista’ jkun assistenza u nagħmlulhom ħajjithom faċli kemm jista’ jkun, l-iżviluppi fil-qasam tar-riċerka tjiebu wkoll, u jekk Alla jrid fis-snin li ġejjin jista’ jkollna kemm jista’ jkun titjib biex dak li jkun jgħix ħajja aħjar.”

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar