Knisja Maltija
Jistieden lis-saċerdoti biex ma jagħlqux il-bieb lin-nies u jilqgħu lil kulħadd

Iċċelebrata l-ewwel btala pubblika fix-xahar ta’ Diċembru, il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni. Fil-paniġierku, Patri Martin Coleiro, beżbeż lill-Insara ipokriti li jaħsbu li huma aħjar minn ħaddiehor u appella biex il-ġustizzja titħalla f’idejn Alla.

Minkejja riħ qawwi mill-Majjistral, it-temp żamm biex il-Bormliżi ċċelebraw il-festa titulari tagħhom. Il-Knisja, imlibbsa bl-isbaħ armar li jinkludi damask u xogħlijiet ta’ artiġjanat fid-deheb u l-fidda, kellha f’nofsha l-istatwa titulari li tirrappreżenta lill-Madonna wieqfa fuq is-serp, li jirrappreżenta l-ħażen.

L-istatwa tal-Madonna bit-titlu tal-Kunċizzjoni li għadha kif ġiet restawrata waqt li żejnet il-knisja, kienet l-ispirazzjoni għal paniġierku tal-quddiesa solenni li ntiseġ minn Patri Martin Coleiro, Franġiskan. Huwa qal li fit-tmienja ta’ Diċembru titfakkar l-iva ta’ Marija li tfisser tama, fidi u mħabba. Patri Martin qal li l-Madonna saħqet ras ix-xitan u qatt ma ddubitat mill-imħabba t’Alla, anke meta rat lill-binha msallab u kienet ta’ gwida għall-ewwel Insara.

Patri Coleiro qal li faċli li wieħed jgħajjar lil ieħor korrott, imma qal li l-Insara stess jistgħu jkunu korrotti u ipokriti li jaħsbu li huma aħjar minn ħaddieħor.

B’referenza lejn is-saċerdoti, Patri Martin qal li f’isem il-Knisja m’għandhom jagħlqu l-bieb lil ħadd għax qal kien hemm diversi nies li tbiegħdu mill-Knisja minħabba f’hekk. Stedinhom biex ikunu verament ulied Alla, ulied l-Immakulata Kunċizzjoni u l-ġudizzju jħalluħ f’idejn Alla.

Il-predikatur kompla jgħid li l-Insara jridu jistaqsu lilhom infushom jekk humiex lesti jħobbu l-għedewwa tagħhom, ikunu min ikunu u minn kull twemmin politiku, waqt li saħaq li għandna bżonn ngħixu f’soċjeta’ ġusta.

L-Arċipriet, Dun Anton Cassar, qal li Alla għażel lill-Marija mill-konċepiment biex tkun bla dnub.

Dun Anton Cassar qal “il-festa ta’ llum hija għalina kif nitolbu fil-Knisja u anke fit-talb li ngħidu waqt il-quddiesa, Alla lilna wkoll sejjħilna biex inkunu bħalha. O Marija li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqlagħlna l-grazzja noħorġu minnha mingħajr ħtija. Inti dħalt fiha bla tebgħa, aħna lilna mimlijin tbajja’, għallinqas itlob għalina ħa noħorġu minnha mingħajr ħtija.”

Il-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni kabbret il-qima lejha wara li 164 sena ilu l-Papa Piju IX iddikjara bħala domma ta’ fidi li l-Madonna twieldet mingħajr it-tebgħa tad-dnub oriġinali.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

L-Oppożizzjoni qalet fi stqarrija li se titlob lill-Kumitat Parlamentari għall-fondi pubbliċi biex jinvestiga b’urġenza l-għoti tal-hekk imsejħa “golden handshake” lill-uffiċjali biex jirriżenjaw mill-impjieg. Dan wara, fost oħrajn, il-protest ġudizzjarju li…

Turiżmu

L-ogħla numru ta’ passiġġieri li daħlu Malta f’sena abbord cruise-liner mistenni jintlaħaq din is-sena. Bi kważi disa’ mitt elf passiġġier, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, qal li l-2019…

Immigrazzjoni

Ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Italja ġew diskussi fl-ogħla livell f’taħditiet f’Ruma bejn il-President George Vella u l-President Sergio Mattarella propju fl-istess ħin li fuq il-baħar kienet għaddejja kwistjoni oħra…

Kronaka

Raġel weġġa’ gravi f’inċident f’Marsaxlokk. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-5.00pm fi Triq Delimara. Il-Pulizija tad-Distrett marret fuq il-post fejn mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel ta’ 36 sena li jgħix il-Kalkara kien qed…

Aktar