Agrikultura
Jistudja u jgħin lil missieru fir-raba’ – għadhom kif qatgħu l-għeneb għall-għasir

Flixkun inbid tixtrih f’radda ta’ salib. Madanakollu, biex il-konsumatur ipaxxi ‘l-palat b’belgħa nbid tajba teħtieġ produzzjoni ta’ stoffa qabel ma l-prodott joħroġ fis-suq. Fost l-oħrajn, b’mod ġenerali, l-għeneb għall-għasir jinqata’ bejn Awwissu u Settembru. Fost l-imħuħ wara l-produzzjoni tal-għeneb fi xtutna, Alan Azzopardi ta’ 26 sena u missieru Simon.

Minkejja l-għadd ta’ impennji li għandhom, Alan u Simon jiġbdu ħabel wieħed bla heda s-sena kollha fir-raba’ tal-familja bil-għan li jwittu t-triq għall-produzzjoni tal-inbid. Tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mill-Wied tal-Ħżejjen fil-Bidnija, minkejja li għadu jistudja, fl-aħħar jiem Alan ta daqqa t’id lill-papà tiegħu fil-qtugħ tal-għeneb. Ir-raba’ tal-familja, tgħodd mat-3,000 dielja.

F’kummenti lil tvm.com.mt Alan spjega li hu u missieru għadhom kemm qatgħu b’paċenzja liema bħalha s-Sauvignon blanc għall-abjad u s-Syrah għall-aħmar.

Fl-isfond ta’ xi ħalbiet tax-xita ‘l hemm u ‘l hawn li għamlu dan l-aħħar fi xtutna, Simon qal li l-għenba bajda batiet kemm kemm b’mod speċjali meta ma kienx riħ fuq. Spjega, li meta jkun riħ isfel l-ilma joqgħod mal-għenba u l-ħmira li għandu miegħu l-għeneb timmoffa bil-konsegwenza li l-għeneb jispiċċa jintrema.

Lil hinn mill-qtugħ tal-għeneb f’dan iż-żmien tas-sena, Alan spjega li l-ħidma fir-raba’ ma tonqos qatt hekk kif biex is-siġra tagħmel għeneb ta’ kwalità dak li jkun irid jaħrat, ibexx kontra l-moffa, jiżbor u jsaqqi ta’ spiss, fost l-oħrajn.

F’dan l-isfond, Simon saħaq li l-prodott tal-bidwi għandu jiġi vvalutat b’mod aktar xieraq. Qal, li sikwit il-bidwi jaqla’ l-anqas minkejja l-ħidma sfieqa li jagħmel lejl u nhar.

Ir-raħħala u l-bdiewa żgħażagħ fil-filmat qed jiġu miġjuba lilkom b’kollaborazzjoni mal-Malta Youth in Agriculture Foundation.