Storja
Jistudjaw kif se jiskavaw villa Rumana li tinsab mirduma f’Birżebbuġa

Heritage Malta għaddejja bi studji biex villa Rumana li tinsab fl-inħawi ta’ Għar Dalam terġa’ tiġi skavata mill-ġdid wara 100 sena, bit-tama li jintefa’ dawl ġdid fuq l-istorja ta’ Malta.

Tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn Għar Dalam, fil-limiti ta’ Birżebbuġa, hemm villa Rumana, li kontra dik tar-Rabat, hi mirduma.

Wara għexieren ta’ snin li dan is-sit storiku tħalla mitluq, Heritage Malta bdiet tnaddaf il-post u qed isiru studji biex terġa’ tiġi skavata għall-ewwel darba f’100 sena.

Il-Perit ta’ Heritage Malta, Ruben Abela qal ”hemm il-pjan li jsiru anki skavi arkeoloġiċi madwarha sabiex imbagħad inkunu nistgħu nfasslu pjan ta’ konservazzjoni u kif se tiġi interpretata u mgħoddija lin-nies ħalli jżuruha u japprezzaw il-valur u l-istorja tagħha.”

Il-Perit Ruben Abela kompla jgħid li bl-avvanzi li saru fost oħrajn fit-teknoloġija, dan l-iskavar jista’ jiskopri tagħrif ġdid fuq il-villa u l-istorja ta’ Malta fi żmien ir-Rumani.

Wieħed jidħol aktar fir-reqqa u jfittex affarijiet aktar profondi. Ninsabu ċerti li fil-materjal li anki ġie skavat dak iż-żmien se nsibu affarijiet li jixħtu dawl fuq il-villa aktar milli tefgħu dak iż-żmien.

Viċin il-villa, hemm ukoll ċisterna fejn ir-Rumani kienu jaħżnu l-ilma.

Il-Perit Abela qal li l-pjan hu li l-villa tinfetah għall-pubbliku bħalma sar it-Tempju ta’ Borġ in-Nadur li jinsab fl-istess inħawi.

Faċċata tal-villa hemm Għar Dalam . . . li fih instabu fost l-eqdem fdalijiet tal-bniedem u annimali li m’għadhomx jgħixu f’Malta, fdalijiet li jmorru lura aktar minn 5,000 sena qabel Kristu.

Il-Kuratur ta’ Għar Dalam, Paul Portelli qal ”l-istorja tal-bniedem li għex hawnhekk. Hawnhekk instabu fdalijiet antiki u qodma tal-bniedem f’Malta. Fil-fatt dak il-perjodu nafuh bħala l-Għar Dalam phase.”

Is-Sur Portelli spjega li dan l-għar serva wkoll ta’ xelter fi żmien il-gwerra. Qal li apparti l-valur storiku, Għar Dalam hu sit Natura 2000 għax fih jgħix annimal endemiku li jikber biss fl-għar.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Malti ta’ 19-il sena li kien jinsab miżmum arrestat ġewwa l-Lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ipprova jweġġa’ lilu nnifsu. Il-każ seħħ illum fis-7pm.  Intervent immedjat tal-Pulizija waqqaf din l-azzjoni u r-raġel…

Lokali

San Ġiljan sebaħ nadif pupilla wara lejl ta’ divertiment f’Jum San Patrizju. Il-ħaddiema tat-tindif xkupaw 15-il tunnellata ta’ skart f’ħames sigħat. Ma’ sbieħ it-Tnejn filgħodu, il-Pjazza ta’ Spinola u toroq tal-madwar…

Kronaka

Lejn is-snin sittin tas-seklu sbatax, il-Berġa tal-Italja kienet imżejna b’dak li jissejjaħ la scala grande, it-taraġ il-kbir. Bl-interventi strutturali li sar fil-berġa tul is-snin il-preġju tat-taraġ intilef meta fost oħrajn…

Kultura

Aktar minn 500 mudell, xogħol membri ta’ waħda mill-għaqdiet lokali tal-mudelli, qed ikunu esebiti fil-Mużew Marittimu fil-Birgu. Il-wirja se tkun miftuħa għall-aħħar ġunrata, għada, jum ta’ btala pubblika. Mijiet ta’…

Aktar