Lokali
Jitfakkar l-artist li salva l-Banca Giuratale f’Għawdex

Diversi proġetti u opri ta’ arti jafu l-bidu tagħhom lil ħsieb li jimxi għal taħżiża u mbagħad jiżviluppa f’disinn.

Sal-aħħar ta’ dan ix-xahar f’Għawdex qed jiġu esebiti diversi disinni ta’ xogħlijiet ta’ arti u arkitettura ekkleżjastika li naraw fi knejjes Għawdxin, fosthom fis-Santwarju Ta’ Pinu.

Dawn id-disinni huma kollha ta’ Vincenzo Bonello u l-wirja qed tittella’ f’għeluq il-130 anniversarju mit-twelid tiegħu.

Vincenzo Bonello twieled il-Belt, fl-1891. Fit-tieni kwart tas-seklu l-ieħor waqqaf il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, dak iż-żmien fil-Berġa tal-Italja.

Waqqaf u għallem fl-Iskola tal-Arti fil-Belt. Fl-1940 ġie arrestat u internat minħabba s-simpatiji tiegħu mal-kultura Taljana u eventwalment ġie deportat lejn l-Uganda. Lura f’Malta wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, iddisinja diversi binjiet u xogħlijiet għal knejjes kemm f’Malta u anke f’Għawdex; kien mutur biex twaqqaf il-Mużew tal-Katidral fl-Imdina u tal-Kon-Katidral fil-Belt; lettur dwar l-istorja tal-arti fl-Università; u kuratur ta’ diversi wirjiet prestiġjużi.

U issa fil-Mużew il-Ħaġar fir-Rabat, Għawdex, qed tittella’ wirja b’disinni tiegħu. Iben Vincenzo, l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello, jgħid li missieru kien tradizzjonalist, iżda kien jaf jadatta għall-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi li fihom kien jintalab jaħdem.

“Missieri kien tradizzjonalist. Cioe ma kienx mill-moderni nett, però kien jadatta ruħu meta kien jagħmel dawn id-dekorazzjonijiet għall-ambjent li diġà jeżisti. Voldieri meta ħadem għall-Knisja Ta’ Pinu l-istil tiegħu kien romanesk, meta ħadem fi knejjes barokki l-istil tiegħu kien barokk, però meta kellu jagħmel il-modern kien jaf jagħmlu wkoll. Għaliex pereżempju it-tribuna tal-Kungress Ewkaristiku tal-1938 hi waħda mill-ftit xogħlijiet modernissima għal dak iż-żmien.”

F’Għawdex, ħalla timbru speċjali fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu fejn iddisinja xogħlijiet dekorattivi għal din il-knisja bħall-baldakkin, il-pulptu u s-sedja.

Iddisinja wkoll diversi artali għall-knisja ta’ Kerċem, l-artal prinċipali tal-kappella ta’ Lourdes fl-Imġarr u xogħlijiet oħra fil-knejjes tax-Xagħra u l-Qala.

Fil-wirja qed jiġi esebit disinn li fl-1949 Vincenzo Bonello ppreżenta għar-rotunda l-ġdida tax-Xewkija. Eventwalment kien intgħażel id-disinn tal-Perit Ġuże D’Amato.

Għawdex jibqa’ grat għal Vincenzo Bonello għax fl-1950, bil-pressjoni li għamel salva l-Banca Giuratale – fil-qalba tal-Belt Victoria.

Din l-uniku binja mhux reliġjuża fuq stil barokk f’Għawdex kienet se tinħatt biex tagħmel wisa’ għal aktar bejjiegħa tal-monti fit-Tokk. F’dan il-każ, ibnu jikteb li l-politiċi ċedew u l-Banca Giuratale għadha hemm!