Lokali
Jitħabbar il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fil-Ħarifa

Tħabbru d-dati tal-istaġun tal-kaċċa fil-Ħarifa li jiftaħ mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Jannar, bil-Gvern jgħid li l-kaċċa għall-gamiem hija permessa biss matul Settembru bi kwota nazzjonali ta’ 7,000 ghasfur.

Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali li fiha ntqal li l-kaċċa se tkun tista’ ssir minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx mit-Tnejn sas-Sibt u minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sas-siegħa ta’ wara nofsinhar fil-Ħdud u l-festi.

Is-Segretarjat qal li l-kaċċa tal-għasafar minn fuq l-art bejn il-15 ta’ Settembru u s-7 ta’ Ottubru mhix permessa mit-Tnejn sas-Sibt mis-sebgħa ta’ filgħaxija sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara.  L-istess restrizzjonijiet fil-ħinijiet japplikaw ukoll għall-kaċċa tal-fenek selvaġġ, li hija permessa sal-31 ta’ Diċembru.

Il-kaċċa tal-għasafar minn fuq il-baħar ser tkun permessa mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Jannar matul l-istess ħinijiet bħal dawk applikabbli għall-kaċċa minn fuq l-art, iżda mill-1 ta’ Ottubru sas-7 ta’ Ottubru il-kaċċa fuq il-baħar mhix permessa mit-Tnejn sas-Sibt mis-sebgħa ta’ filgħaxija sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara.

Il-kaċċaturi jistgħu biss jikkaċċjaw għall-ispeċi li għalihom huma liċenzjati skont il-kategorija tal-liċenzja tagħhom.  Skont L-Avviż Legali 69 ta’ 2016 u skont l-istruzzjonijiet li hemm fil-ktejjeb informattiv mqassam flimkien mal-liċenzji tal-kaċċa, il-kaċċaturi liċenzjati huma obbligati jirrappurtaw l-għasafar maqbuda permezz ta’ sistema telefonika qabel ma jitilqu miż-żona li fiha jkunu qed jikkaċċjaw.

Fl-istqarrija jingħad li t-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi innutat progress sodisfaċenti u bidla pożittiva ħafna f’dawn l-aħħar tliet snin. Madankollu huwa importanti li dan il-progress, li huwa riżultat ta’ kooperazzjoni bejn il-Gvern, il-membri tal-komunitajiet tal-kaċċa, u l-NGOs li jaħdmu għall-ħarsien tal-għasafar, jinżamm u jiġi kkonsolidat aktar fiż-żmien li ġej.

Filwaqt li jkompli jsir enfasi lill-kaċċaturi kollha u l-organizzazzjonijiet tal-kaċċa biex ma jittoleraw ebda illegalitajiet, it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi u entitajiet li jinfurzaw il-liġi għandhom ikomplu jissorveljaw b’mod rigoruż u jinfurzaw il-konformità mar-regolamenti applikabbli permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post.

Fl-istqarrija, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri appella lill-kaċċaturi sabiex josservaw il-liġijiet, biex fl-aħħar mill-aħħar jiġi salvagwardjat id-delizzju tagħhom stess.