Lokali
Jitħabbar ir-rebbieħ tal-Festival Internazzjonali tan-Nar

Il-kamra tan-nar ħamsa u għoxrin ta’ Novembru tal-Għaqda tan-nar Santa Katerina taż-Żejtun, rebħet il-Festival Internazzjonali tan-Nar ta’ din is-sena. Fit-tieni post, il-Vallcalluzzo Events Italja, fit-Tielet post, Platinum Fireworks mill-Filippini u fir-raba’ post, il-Pyrocom mill-Estonja.

Fil-Port il-Kbir ittella’ spettaklu sinkronizzat mal-mużika li kien wieħed mill-isbaħ mumenti tal-Festival Internazzjonali tal-logħob tan-nar. Din is-sena l-ispettakli saru fuq erbat ijiem, il-ġimgħa li għaddiet fl-Imqabba u x-Xagħra, u lbieraħ filgħaxija fil-Belt. Eluf, Maltin u turisti nġabru f’żoni qrib il-port fejn issaħħru bis-sbuħija tal-kuluri fis-smewwiet fi spettaklu pirotekniku mżewwaq mal-mużika. L-ispettaklu ixxandar dirett fuq tvm.com.mt.

Din kienet it-Tmintax-il edizzjoni tal-festival internazzjonali tan-nar li huwa organizzat mill-Awtorit Maltija tat-Turiżmu u l-Ministeru tat-Turiżmu u jintemm uffiċjalment is-Sibt, l-4 ta’ Mejju f’serata tal-logħob tan-nar organizzata b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Floriana.