Lokali
Jitħabbar proġett ta’ €4 miljun għar-riġenerazzjoni tal-park tal-familja f’Bengħajsa

B’investiment ta’ €4 miljun, medda ta’ art li fiha mas-60,000 metru kwadru ser tiġi rriġenerata f’park pubbliku, kemm permezz ta’ afforestazzjoni kif ukoll permezz ta’ attivajiet li ser ikunu qegħdin isiru fiż-żona. F’dan il-Park, fejn diġà tħawlu mijiet ta’ siġar, ser ikompli jiġi afforestat minn Parks Malta b’żieda ta’ madwar 1,000 siġra indiġena oħra fosthom tal-Ħarrub u ċ-Ċipress.

Waqt it-tnedija tal-proġett, il-Ministru għall-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli qalet li l-park ta’ Bengħjsa ser ikun wieħed mill-ikbar parks pubbliċi fil-gżejjer Maltin. Żiedet tgħid li l-park huwa parti minn kullana ta’ parks ġodda madwar il-pajjiż.

“Qegħdin nitkellmu mal-Kunsilli Lokali biex nidentifikaw areas differenti, jiġifieri riċentament ħabbarna park f’Santa Luċija, ser ikollna parks żar fil-lokalitajiet, il-pjan tagħna huwa li nagħtu kemm jista’ jkun lil areas u żoni ħodor fejn jistgħu jmorru jistrieħu jikrejaw ruħhom mal-familja.”

Il-Minsitru Dalli żiedet tgħid li l-park ser ikun edukattiv u ser jirrispetta l-ambjent u l-istorja tal-post. Spjegat kif l-antenni tal-komunikazzjoni li ntramaw fiż-żona fis-snin ħamsin, ser jinżammu u jiġu integrati fil-park

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li l-proġett fin-Nofsinhar ta’ Malta ser jinkudi attrazzjonijiet għat-turisti li jħobbu btajjel avventurużi.

“Dan kollu juri kif il-ħidma tal-Ministeru tat-Turiżmu teħodna mal-pajjiż kollu għax iridu naraw li pajjiżna jkun żona turstika waħda kollu kemm hu, li kapaċi jiġbed it-turisti lejh u fl-istess waqt igawdu wkoll il-familja Maltin u Għawdxin. Għalhekk qed naraw li nixprunaw wkoll in-niċċa tal-adventure tourism, li hija jkollok persuni li jfittxu open spaces u postijiet fejn jagħmlu camping sabiex b’hekk ikun qegħdin jiġu f’pajjiżna wkoll u jkunu jistgħu igawdu mill-ambjent li ser ikollna f’din iż-żona u żoni oħra fil-pajjiż.”

Meta jitlesta sentejn oħra, il-Park ta’ Bengħajsa ser ikun wieħed mill-akbar spazji pubbliċi fil-gżejjer Maltin.