Barranin
Jitħabbru elezzjonijiet ħielsa fl-Alġerija sa 3 xhur oħra

Il-President proviżorju tal-Alġerija wiegħed li fi żmien tliet xhur, se jorganizza elezzjonijiet ħielsa,wara ġimgħat ta’ protesti li waslu għar-riżenja ta’ Abdelaziz Bouteflika.

Bouteflika kien ilu 20 sena fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż, fejn ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ żdiedet għal 70%.

F’xandira lin-nazzjon li damet 16-il minuta, il-President Abdelkader Bensalah qal li qabel isejjaħ elezzjoni, se jikkonsulta mal-partiti politiċi u s-soċjetà ċivili.

Madankollu, id-dimostranti ma jridux fil-poter għax jarawh estensjoni tal-klassi politika li ddominat l-Alġerija sa mill-indipendenza minn ma’ Franza fl-1962.

Il-ġejjieni tal-Alġerija jiddependi ħafna mis-sehem tal-Armata, li jingħad kienet influwenti minn wara l-kwinti.