Jitħalltu l-proża u l-poeżija mal-kreattività fit-tielet edizzjoni ta’ Taħżiż

Tiftaħ is-sejħa għat-tielet edizzjoni ta’ Taħżiż li jgħin lit-tħaddim tal-ilsien Malti. Il-programm huwa imniedi mill-Aġenzija Żgħażagħ u jagħti ċans liż-żgħażagħ ikunu iktar kreattivi fil-Malti. Is-sejħa għal dan il-programm tibqa’ miftuħa sas-16 ta’ Jannar.

Taħżiż huwa programm ta’ ’empowerment’ mill-Aġenzija Żgħażagħ, li jiffoka fuq il-kitba kreattiva. Il-programm huwa msejjes fuq tliet seminars residenzjali intensivi mifruxa fuq sena, b’laqgħa mal-pubbliku bejn kull seminar, bi preżentazzjoni finali fl-aħħar tal-programm. Issa fit-tielet edizzjoni, Taħżiż, qed jiġi kkordinat mill-Għaqda tal-Malti fl-Università u l-Fondazzjoni AWL.

Il-kreattività fl-ilsien, f’dan il-każ Malti, hija l-pont bejn kif il-kliem ta’ lingwa jasal għand min se jisimgħu jew jaqrah. Il-Malti, bħal kull ilsien ieħor, jibqa’ ħaj u jiżviluppa mal-milja taż-żmien.

Proża u poeżija jitħalltu flimkien mal-kreattività u b’hekk mistenni jkompli l-proġett Taħżiż li l-qofol tiegħu huwa l-formazzjoni strutturat u l-potenzjal tal-kitba kreattivà.

Keith Azzopardi mill-Għaqda tal-Malti fl-Università jgħid li fiż-żewġ edizzjonijiet ta’ qabel inħoloq proċess li matulu, għexu mal-kittieba, laqqawhom ma’ artisti oħra u ħarrġuhom b’mod li l-kreattività tagħhom ikunu jistgħu jesprimuwha bi tħaddim ta’ Malti tajjeb.