Reliġjon
Jitħassru l-purċissjonijiet tad-Duluri, tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Irxoxt

Il-purċissjonijiet tad-Duluri, tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Irxoxt tħassru. L-Isqof Awżiljarju, Joseph Galea Curmi, informa lill-Arċiprieti u l-Kappillani li minħabba ċ-ċirkustanzi preżenti, il-manifestazzjonijiet pubbliċi tal-Ġimgħa Mqaddsa din is-sena mhumiex ser isiru.

L-Isqof Galea Curmi qal li qed jitħejjew direttivi għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa li tibda b’Ħadd il-Palm; nhar il-Ħadd 5 ta’ April; u tintemm tmient’ijiem wara bl-Għid il-Kbir. Id-direttivi qed jitħejjew fid-dawl ta’ digriet li l-Isqfijiet irċevew mill-Vatikan li jindika bidliet fir-riti liturġiċi.

Il-Vatikan permezz tal-Kongregazzjoni tal-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti ħareġ digriet dwar kif, minħabba l-pandemija COVID-19, għandha tiġi ċċelebrata l-Ġimgħa Mqaddsa din is-sena u offra xi suġġerimenti lill-Isqfijiet.

Id-digriet jgħid li l-Għid hu l-qofol tas-sena liturġika tal-Knisja u ma jistax tiġi trasferit għal żmien ieħor. F’pajjiżi bħal Malta, fejn fil-knejjes mhux isir quddies, intqal li fejn hu possibbli l-funzjonijiet ta’ Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid isiru fil-Katidrali u l-Parroċċi mingħajr is-sehem tal-pubbliku. Il-pubbliku għandu jiġi infurmat bil-ħinijiet ta’ dawn il-funzjonijiet biex jingħaqad f’talb mid-dar. Fid-digriet, gie rakkomandat ix-xandir dirett ta’ dawn il-funzjonijiet fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali.

L-Isqfijiet tħallew fil-libertà jipposponu il-quddiesa tal-Griżma, nhar Ħamis ix-Xirka filgħodu, fejn issir l-funzjoni tat-tberik taż-żjut. Dwar il-quddiesa ta’ filgħaxija li tfakkar l-Aħħar Ikla tad-Dixxipli, id-direzzjoni hi biex is-saċerdoti jiċċelebraw il-funzjoni mingħajr ir-rit tal-ħasil tar-riġlejn u mingħajr il-purċissjoni bis-sagrament lejn l-artal ta’ ripożizzjoni. Intqal li s-sagrament għandu jitħalla fit-tabernaklu.

Il-Vatikan qal li fejn hu possibbli, nhar il-Ġimgħa l-Kbira għandha ssir il-funzjoni li tfakkar il-passjoni ta’ Ġesu’ b’intenzjoni speċjali waqt it-Talbiet tal-Ġemgħa: għall-morda, għall-mejta u dawk li jinsabu mitlufa.

Id-digriet jitratta ukoll il-Vġili tal-Għid, biex ma ssirx il-mixgħela tan-nar u lanqas il-purċissjoni tal-bidu. Għandu jinxtegħel biss il-blandun u jitħabbar mill-ewwel il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù. Għal-liturġija tal-Magħmudija, jista’ jsir biss it-tiġdid tal-wegħdiet.

Il-Vatikan issuġġerixxa li purċissjonijiet u attivitajiet oħra ta’ devozzjoni jistgħu jiġu trasferiti għall-żmien ieħor matul is-sena. Semmew bħala eżempju l-perjodu tal-14 u l-15 ta’ Settembru; żmien il-festa tal-eżaltazzjoni tas-Salib. Madankollu, dan tħalla f’idejn l-Isqfijiet.

Il-Knisja f’Malta qalet li fil-ġranet li ġejjin se toħroġ direttivi dwar il-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fid-dawl ta’ dan id-digriet. Żiedet tgħid li l-manifestazzjonijiet pubbliċi tad-Duluri, tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid mhux ser isiru.