
Ambjent Malta bdiet proġett ta’ restawr tal-ħabitat f’Kemmuna, li jifforma parti min-netwerk Natura 2000.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar qal li l-proġett jikkonsisti fit-tneħħija ta’ speċi aljeni invażivi u t-tħawwil ta’ flora indiġena, skont il-karatteristiċi għas-sit tal-gżira u l-fitosjoloġija tagħha.
Intqal li l-iskop tal-proġett huwa li jinkoraġġixxi r-riġenerazzjoni naturali fis-siti restawrati u r-riġenerazzjoni fiż-żoni tal-viċin, filwaqt li dawn jistgħu jservu wkoll bħala postijiet għall-mistrieħ u refuġju għal speċi migratorji bħall-għasafar.
B’kollox tħawlu 13,878 siġra u arbuxxell indiġeni, inklużi Bruk (Tamarix africana), Żnuber (Pinus halepensis), Ġnibru (Juniperus phoenicea), Imbrijagla (Arbutus unedo), Ċipress (Cupressus sempervirens), Siġret il-virġi (Vitex agnus-castus), Riħan (Myrtus communis), Ballut (Quercus ilex), Rummien (Punica granatum), Ħarrub (Ceratonia siliqua), Għargħar (Tetraclinis articulata), Siġra ta’ Ġuda (Cercis siliquatrum), Deru (Pistacia lentiscus), u Ġummara (Chamaerops humilis), fost l-oħrajn.
Il-Ministru Aaron Farrugia spjega li l-konservazzjoni tal-ħabitati hija kruċjali biex tkun protetta l-bijodiversità, l-ispeċi kollha ta’ pajjiżna u l-proċessi ekoloġiċi li huma tant importanti għas-sostenibbiltà tal-ambjent.

