Ambjent
Jitħawlu s-siġar f’Wied Fulija – il-proġett ta’ riabilitazzjoni riesaq lejn tmiemu

It-tħawwil ta’ diversi siġar indiġeni u arbuxelli f’Wied Fulija hu sinjal li riesaq lejn tmiemu l-proġett ta’ riabilitazzjoni ta’ dik li għal kważi għoxrin sena kienet miżbla.

B’dan il-proġett, żona d-daqs ta’ seba’ grawnds tal-futbol se tintradd lura lin-nies bħala attrazzjoni ambjentali fin-naħa ta’ isfel tal-pajjiż.

Daħal fl-aħħar fażi l-proġett ta’ riabilitazzjoni ta’ dik li kienet miżbla f’Wied Fulija fiż-Żurrieq li minn ġerħa ambjentali se terġa’ ssir attrazzjoni ambjentali. Il-post hu parti minn wied naturali li jagħti għal fuq l-irdumijiet fil-kosta taż-Żurrieq u li fl-1979 beda jintuża bħala miżbla sal-1996.

Il-kumpanija WasteServ bdiet bix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni f’Awwissu tas-sena l-oħra billi fost oħrajn saret mogħdija biex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi l-veduta pittoreska tal-inħawi.

Is-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima, qalet li b’dan il-proġett il-lokalità se jkollha pulmun fosthom billi fuq l-għoljiet bdew jitħawlu siġar indiġeni u arbuxelli.

“Kull darba li niġi nara d-differenza. Issa hawn passaġġi sbieħ u twal. Veduti mill-isbaħ. Irwejjaħ xejn. Arja pura u min jiġi jista’ jagħmel picnic kemm irid. Se jkun hawn ħafna siġar.”

Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia, qal dan il-proġett jidħol kexxun mal-istrateġija ambjentali tal-Gvern. “Id-deċiżjoni għaqlija tal-Gvern li jitlaq mill-kunċett ta’ miżbliet u permezz ta’ faċilitajiet state of the art li qed jinvesti fihom il-Gvern tal-ġurnata se mmorru biex mill-iskart noħorġu riżorsa.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li bil-proġett iktar minn 91,000 metru kwadru nbidlu fi spazju miftuħ għan-nies. Il-proġett qed isir b’investiment ta’ €4.5 miljun, parti minnhom fondi Ewropej.

B’kollaborazzjoni mal-BirdLife, il-WasteServ se toħloq siti f’Wied Fulija fejn tista’ tbejjet il-garnija filwaqt li mal-Malta Beekepers Association, se jitpoġġew kaxxi tan-naħal biex jgħinu fil-konservazzjoni ta’ speċi indiġena tan-naħal.