Barranin
Jitkeċċa d-Direttur Artistiku tal-ftuħ tal-Olimpjadi – għadda l-Olokawst biż-żmien

Lejliet iċ-ċerimonja tal-ftuħ, id-Direttur Artistiku taċ-Ċerimonja tal-Inawgurazzjoni tal-Olimpjadi ta’ Tokjo tkeċċa minħabba ċajta li kien għamel f’nofs is-snin 90.

F’filmat li ħareġ fis-sigħat li għaddew, Kentaro Kobayashi jinstema’ jgħaddi kummenti dwar l-Olokawst. Il-President tal-Olimpjadi ta’ Tokjo, Seiko Hashimoto qal li d-deċiżjoni ttieħdet għaliex fil-filmat Kobayashi instema’ jirredikola waħda mill-aktar ġrajjiet diffiċli fl-istorja tal-bniedem. Kobayashi huwa attur komiku, drammaturgu, u direttur.

It-tkeċċija tiegħu hija waħda minn sensiela ta’ problemi u skandli li tappnu l-Olimpjadi ta’ Tokjo. Fix-xhur li għaddew il-kompożitur Hiroshi Sasaki u l-kap tal-Kumitat Organizzattiv, Yoshiro Mori kellhom jirriżenjaw mill-karigi rispettivi minħabba imġiba mhux xierqa fil-karriera tagħhom.

L-Olimpjadi jibdew għada, sena tard minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Peress li fl-aħħar ġimgħat żdiedu l-każijiet ta’ Covid fil-Ġappun, id-diversi kompetizzjonijiet se jsiru mingħajr spettaturi u l-Gvern Ġappuniż qed iħeġġeġ lin-nies biex isegwu kollox minn djarhom.

Intant, l-għadd ta’ persuni li rriżultaw pożittiv għall-Covid fil-villaġġ Olimpiku telgħu għal 87.