Immigrazzjoni
Jitkeċċew mal-40 barrani fix-xahar għax jinqabdu f’Malta b’mod irregolari

Medja ta’ 40 barrani fix-xahar jitkeċċew minn Malta wara li jinqabdu jgħixu hawnhekk b’mod irregolari. Din hi parti minn ħidma usa’ tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija fosthom bi spezzjonijiet regolari mal-pajjiż kollu.

Barra minn hekk, mal-20 barrani fix-xahar jitwaqqfu l-ajruport mal-wasla tagħhom, ma jitħallewx jidħlu Malta u jintbagħtu lura.

“Aħna nħarsu lejn li persuna qiegħed hawn Malta b’mod regolari, issa jekk hux ta’ karnaġġjon skur, ta’ karnaġġjon bajdani, aħna ma nħarsux lejn uċuħ. Ejja Malta b’mod regolari, imxi mal-ligijiet ta’ Malta u ma jkollok problemi ta’ xejn,” qal l-Ispettur Frankie Sammut mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni.

Dikjarazzjoni skjetta mill-Ispettur Sammut meta mistoqsi kif timxi l-Pulizija ma’ barranin li jinstabu Malta illegalment. Ċaħad li ssir differenza bejn barrani u ieħor. “Aktar keċċejna persuni ta’ karnaġġjon bajdani milli ta’ karnaġġjon skur.”

Spjega li t-Taqsima tal-Immigrazzjoni tagħmel spezzjonijiet regolari biex tivverifika li barranin minn stati mhux membri tal-Unjoni Ewropea jinsabu Malta b’mod regolari. Żied jgħid li meta jinstabu irregolaritajiet, bħal viżi skaduti, persuni li qegħdin hawn mhux skont il-permess li ngħataw jew m’għandhomx mezzi biex isostnu lilhom infushom, jiġu arrestati u ordnati jirritornaw pajjiżhom.

“Nirritornawha lura lejn pajjiżha, inwassluha aħna l-ajruport u naċċertaw li tkun telqet lura lejn pajjiżha,” qal l-Ispettur.

Is-sena l-oħra il-Pulizija bagħtu lura 529 persuna minn madwar 30 pajjiż. Ċifri li għandu Television Malta juru li fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena tkeċċew 157 barrani, medja ta’ 40 fix-xahar.

L-ispezzjonijiet ikopru wkoll realtà ta’ immigranti li jkunu ngħataw protezzjoni fl-Italja u qed jiġu Malta bl-ajru jew bil-baħar. “Dawn min-naħa tagħhom jistgħu jiġu hawn Malta, jistgħu jagħmlu perjodu ta’ tliet xhur hawn Malta bħala turisti.”

L-istess japplika għal pajjiżi eżenti mill-viża, fejn persuni jistgħu jiġu Malta għal tliet xhur fi żmien sitt xhur. Għamilha ċara li dawn il-persuni ma jistgħux jaħdmu hawnhekk.

Dr Sammut qal li jkun hemm każi fejn il-Pulizija tagħmel tajjeb għall-vjaġġ għax il-persuna ma jkollhiex biex tħallas. Spjega li jkun hemm każi fejn jingħataw ftit taż-żmien biex jitilqu minn Malta. “Nagħtuha żmien, għax per eżempju tkun issettjat hawn Malta, jkollha karozza jew mutur tkun trid teħles minnu, ikollha xi kontijiet pendenti, nagħtuha perjodu u titlaq lura b’mod volontarju”

Dr Sammut qal li persuni li ma jaqblux mal-ordni ta’ tkeċċija għandhom dritt jappellaw. Sakemm tingħata d-deċiżjoni jinżammu fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi.

L-Ispettur Sammut semma wkoll li l-Pulizija tal-Immigrazzjoni jwaqqfu fl-ajruport lil diversi barranin minn pajjiżi terzi milli jidħlu Malta għal raġunijiet li tippermetti l-liġi. Is-sena li għaddiet kien hemm 405 barranin li twaqqfu mal-wasla fl-ajruport u ntbagħtu lura. Din is-sena, kien hemm 73 barrani li ma tħallewx jidħlu Malta.

Hemm imbagħad każi ta’ tkeċċija awtomatika minn Malta. Qal li dan japplika għal barranin ħatja ta’ reat u kkundannati aktar minn sena ħabs, li jiġu ordnati jitilqu minn Malta minnufih malli jiskontaw is-sentenza, b’hekk il-liġi tippermetti anke jekk ikollhom permess ta’ residenza.

Aħbarijiet Oħra
Sajd

Idejh jafu jinsġu l-qasab għan-nases, anke b’għajnejh magħluqa. Bis-sengħa tan-nases fid-demm, Ġanni Xuereb, magħruf bħala Ġanni l-Pipi, illum jgħodd iktar minn 80 sena, u għadu ma telaqx in-namra max-xogħol tiegħu, …

Edukazzjoni

Is-sajf wasal biex jintemm u dħalna fl-aħħar ġimgħa qabel ma jerġgħu jibdew l-iskejjel. Iżda x’inhuma s-sentimenti tal-ġenituri u l-istudenti dwar l-bidu tas-sena skolastika ġdida? TVM tkellem mal-ġenituri u l-istudenti. Mal-wieħed…

Lokali

Waqt l-aħħar tislima li ngħatat lil Enrica lbieraħ fil-knisja ta’ San Ġiljan, inġabru €10,000 għal Puttinu Cares. Enrica kienet tgħożż il-familja ta’ Puttinu li tant tawha kuraġġ u sabar waqt…

Edukazzjoni

The Rotary Malta Clubs are calling for applications from residents of Malta wishing to pursue a post-graduate degree. The scholarship offered to Maltese residents is worth $ 30,000 and is…

Aktar