Lokali
Jitkellem il-Professur Wain dwar ir-riżenja tiegħu

L-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Għaqdiet tal-Volontarjat jinsab bla kummissarju wara r-riżenja tal-Professur Kenneth Wain. Huwa kien l-ewwel kummissarju li nħatar wara li kienet għaddiet il-liġi fl-2007. Ir-riżenja tal-Professur Wain li tħabbret tard il-Ġimgħa filgħaxija jidher li seħħet minħabba fost oħrajn dak li huwa jqis tkaxkir tas-saqajn biex tiġi emendata l-liġi kif ukoll minħabba nuqqas ta’ appoġġ loġistiku għall-uffiċċju tiegħu. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni stqarr li l-emendi għal liġi komplew jiġu rfinati u ser jitressqu għall-approvazzjoni tal-Parlament fil-ġimgħat li ġejjin.

Wara kważi ħdax-il sena jservi bħala Kummissarju tal-Għaqdiet volontarji, il-Professur Kenneth Wain irriżenja mill-ħatra bħala regolatur tas-settur tal-volontarjat.

F’kummenti lil TVM, il-Professur Wain inħass frustrat li l-emendi għal-liġi tal-2007 baqgħu ma tresqux fil-Parlament minkejja li x-xogħol fuqhom tlesta s-sena l-oħra.

Spjega li wħud mill-emendi ġew proposti mill-Aġenzija Moneyval fl-2012 u kellhom l-għan li jidħlu standards biex ikun żgurat li għaqdiet volontarji ma jservux ta’ paraventu għal ħasil ta’ flus u l-finanzjament mit-terroriżmu.

Il-Professur Wain qal li waqt li l-aġġornament tal-liġi baqa’ ma sarx, sar jaf b’kumbinazzjoni li kienu qed isiru emendi oħra li ma kienx infurmat bihom.

Eks kummissarju għall-għaqdiet volontarji, il-Prof. Kenneth Wain qal “jien waħda mir-raġunijiet fundamentali għaliex irriżenjajt hija li ma kontx qed niġi kkonsultat, ma kontx qed niġi nfurmat, ma kontx naf x’inhu jiġri allura wasalt f’sitwazzjoni fejn ma stajtx naħdem iżjed hekk.”

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni waqt li ħabbar ir-riżenja tal-Professur Wain mingħajr ma ppubblika l-ittra tar-riżenja, qal li mill-bidu ta’ din il-leġiżlattura, kompla x-xogħol biex l-emendi jiġu perfezzjonati biex jiġu evitati l-iżbalji li saru fil-liġi tal-2007. Qal li kien biss nhar it-Tnejn li l-emendi ġew finalizzati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, tliet ijiem qabel irċieva l-ittra ta’ riżenja tal-Professur Wain.

Prof. Kenneth Wain qal “qed nagħtihom il-permess, min-naħa tiegħi I am fine li jippublikawha anzi jien naħseb li għandhom jippublikawha għax jien nemmen li din il-ħaġa hija in the public interest.”

Minbarra l-kwistjoni dwar l-emendi għal-liġi, il-Professur Wain stqarr li ħass li l-uffiċċju ta’ Kummissarju ma kienx qed jingħata l-attenzjoni u l-appoġġ inkluż riżorsi umani biex iwettaq il-ħidma tiegħu li tinkludi l-verifika fuq il-ġbir tal-għaqdiet volontarji li huma reġistrati miegħu.

Dan jikkuntrasta ma’ dak li ntqal fl-istqarrija tal-Ministeru tal-Edukazzjoni li fiha ntqal li l-Ministeru dejjem appoġġja l-ħidma tal-Kummissarju. Il-Minsiteru temm jgħid li huwa impenjat li jressaq l-emendi għal-liġi dwar l-għaqdiet volontarji fil-ġimgħat li ġejjin.

Ara wkoll:

Il-Professur Wain jirriżenja minn Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji