Jitkellem żagħżugħ b’diżabilità dwar il-budget

Waqt il-programm ‘Popolin’ ġie diskuss il-budget u l-impatt li se jkollu kemm fuq l-ekonomija Maltija, kif ukoll fuq iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Waqt voxpop li sar fil-Belt Valletta, diversi persuni ġew mistoqsija x’jaħsbu mill-Budget 2021. Il-maġġoranza l-kbira tal-individwi li tkellmu ma’ Popolin qablu li kien budget pożittiv li laqat ħafna setturi u li se jgħin lil kull kategorija tas-soċjetà.

Popolin tkellem ukoll ma Gianluca Cutajar, żagħżugħ b’diżabilità li qasam l-opinjoni tiegħu dwar l-effett li se jkollu l-Budget 2021 fuq persuni b’diżabilità. Huwa tkellem fuq il-fatt li minn sena għal sena kull budget f’dawn l-aħħar snin kellu xi forma ta’ tisħiħ jew għajnuna indirizzata lejn persuni b’diżabilità. Fl-opinjoni tiegħu il-budget indirizza żewġ punti prinċipali; l-aspett ekonomiku u dak soċjali.

Gianluca spjega li waħda mill-iktar miżuri fundamentali li ssemmiet kienet dik li se tindirizza l-problemi li jiltaqgħu magħhom il-persuni b’diżabilità li minħabba raġunijiet ta’ saħħa ma jkunux jistgħu jidħlu jew ikomplu fid-dinja tax-xogħol, għalhekk ġew emendati l-parametri biex aktar persuni b’diżabilità jkunu eliġibbli biex japplikaw għal din l-assistenza. Miżura oħra li se jkolla impatt pożittiv hija dik li kull skola se tiġi attrezzata b’multi-sensory room li se tgħin studenti li għandhom l-awtiżmu. “Din hija miżura importanti kemm mill-aspett edukattiv kif ukoll għaliex tippromwovi l-inklużjoni”.

Gianluca spjega wkoll l-impatt ekonomiku li se jħalli dan il-budget fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. “Meta narbel il-miżuri kollha mħabbrin f’dan il-budget anke dawk li mumiex neċessarjament indirizzati lejn persuni b’diżabilità, nemmen li b’mod indirett se jkollhom impatt pożittiv kemm fuq il-komunità inġenerali kif ukoll fuq il-persuni b’diżabilità”.