Lokali
Jitkompla r-restawr tal-fortifikazzjonijiet fil-Furjana

Issokta r-restawr tal-fortifikazzjonijiet li jinkludu l-Ospizio fil-Furjana biex sas-sajf ta’ sentejn oħra jinfetaħ għall-pubbliku dak li qed jissejjaħ bħala l-ewwel mużew tal-arti kontemporanja f’Malta bl-isem ta’ MICAS.

Il-proġett jinkludi fost oħrajn il-bidla tal-fortifikazzjonijiet f’galleriji tal-arti kontemporanji, il-bini ta’ ġonna bi skulturi fuq barra u spazji għar-riċerka. L-Ospizio nbena f’nofs is-seklu 17 mill-Gran Mastru Antoine de Paule u kien jintuża mill-Ordni ta’ San Ġwann biex fost oħrajn jagħti kenn lin-nisa foqra.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, José Herrera, qal li diġà ġew irrestawrati kilometru ta’ swar b’investiment ta’ €10 miljun. Il-Ministru Herrera qal li dan huwa t-tieni l-ikbar proġett kulturali fil-pajjiż bl-investiment totali se jlaħħaq €24 miljun/

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li terz mill-investiment ġej minn fondi Ewropej. Hu qal li dan il-proġett se jsaħħaħ l-infrastruttura kulturali fil-pajjiż.