AĠĠORNAT: Kevin Cutajar magħżul b’mod unanimu biex jieħu post David Stellini fil-Parlament

L-Avukat Għawdxi Kevin Cutajar ser jieħu s-siġġu parlamentari ta’ David Stellini. Dan kien deċiż b’vot unanimu mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li ħadet aktar minn tliet sigħat. Dr Cutajar mistenni jieħu l-ġurament bħala Membru Parlamentari wara li titressaq mozzjoni fil-Parlament il-ġimgħa d-dieħla.

Fi tmiem il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, Dr Kevin Cutajar deher sodisfatt li l-għażla tiegħu biex jiġi co-opted fil-Parlament kisbet l-appoġġ unanimu tal-Kumitat Eżekuttiv wara li fl-ewwel votazzjoni l-ġimgħa l-oħra kien hemm vot maqsum bejnu u Jean Pierre Debono.

Dr Kevin Cutajar qal “dan huwa privileġġ għalija li nista’ nservi l-poplu Malti però. Hija wkoll responsabilità. Dan mhuwiex punto di arrivo iżda punto di partenza u issa minn hawn ‘il quddiem inħarsu lejn il-ħidma li ser ikolli quddiemi issa bħala membru parlamentari u jien nista’ ngħid li dik ir-responsabilità ser nipprova nġorra u nsarrafha f’ġid għal dan il-poplu bil-ħila kollha u bl-abbiltajiet kollha tiegħi.”

Dr Cutajar li huwa nieqes mid-dawl, qal li bil-ħatra tiegħu, il-Partit Nazzjonalista bagħat messaġġ li jħares lejn l-abbiltajiet ta’ persuni bħalu.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li fil-laqgħa tal-Eżekuttiv li damet tliet sigħat kien hemm diskussjoni u battibekki iżda qal li bl-atteġġjamenti tiegħu Dr Cutajar beda jġib l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista.

Dr Adrian Delia qal “kien hemm argumenti differenti u pożizzjonijiet però Kevin qal li la kien hemm telliefa jew rebbieħa imma kien hemm tgħallimiet u naħseb it-tagħlima hi li meta partit jiddjaloga, jisma’ u jiddibatti jagħraf l-isfidi joħroġ it-tajjeb u rbaħna, rebaħ il-poplu Malti u Għawdxi u mill-ewwel ngħidlu li jien ma nħarisx lejh bħala persuna b’diżabiltà imma b’abbiltajiet, li waħda minnhom, li diġà beda jġib l-għaqda fil-PN”.

Dr Delia qal li l-Partit qed jaħdem biex jagħmel ir-riformi għax jagħraf id-diffikultajiet li għandu.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Wara dak żvelat fil-Qorti dwar l-impjieg ta’ Melvin Theuma bħala messaġġier u xufier f’kumpanija tal-gvern, li minnu ħa tliet xhur paga mingħajr qatt ma mar għax-xogħol, il-pulizija fetħet investigazzjoni fuq…

Parlament

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia qal li Andrew Borg Cardona kien żvija lil uffiċjali tal-Parlament meta jumeujn ilu daħal ma’ grupp ta’ nies fil-gallarija tal-Kamra minflok mar fil-kamra tal-Oppożizzjoni. Dan…

Politika

Miriam Dalli mhux se tkun qed tikkontesta għall-elezzjoni ta’ Mexxej tal-Partit Laburista. Ħabbret dan hi stess f’post fuq il-midja soċjali tagħha, fejn qalet li wara li kkunsidrat l-affarjiet kollha, iddeċidiet…

Aktar