Annimali
“X’ħin jisħon daqsxejn it-temp nistennew li jkollna l-ewwel bejta”

L-isforzi għall-introduzzjoni mill-ġdid tal-barbaġann fis-selvaġġ daħlu f’fażi eċitanti hekk kif tlaqqa’ par u issa bdiet l-istennija għall-mument meta fil-Buskett jitwieldu l-ewwel frieħ. Min hemmhekk tibda t-triq sakemm ifendu għal rashom, bit-tama tkun li jbejjdu fis-selvaġġ. Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti li qed tmexxi dawn l-isforzi tixtieq li l-barbaġann ma jibqax biss fil-Buskett iżda jintrabat ma’ lokalitajiet oħra wkoll.

U permezz tal-internet, il-pubbliku issa jista’ jsegwi l-ħajja fil-guva fejn hemm dan il-par ta’ barbaġann.

Dawn huma Tyto u Alba, li jiffurmaw par ta’ barbaġann li qed jgħix f’ġuva ħdejn ir-Razzett tal-Bagħal fil-Buskett. Fuqu qed jistrieħ ħafna l-proġett tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti biex jerġa’ jiġi ntrodott il-barbaġann fis-selvaġġ, li ilu ma jbejjed f’Malta mal-50 sena/ Il-ko-ordinatur tal-proġett, Lucas Micallef, qal li t-tama issa hi li fi ftit tax-xhur oħra jitwieldu l-ewwel frieħ lil dan il-par.

“Issa x’ħin jisħon daqsxejn aktar it-temp nistennew li jkollna l-ewwel bejta. X’hin ifaqqsu l-frieħ hemm proċess li jissejjaħ bl-Ingliż hacking li jintuża fid-dinja kollha għat-tajr tal-priża, li dan ta’ 32 ġurnata neħduhom minn ġol bejta u nagħmluhom f’hecking box fuq ir-razzett stess. Dan jibda litteralment, għalkemm aħna nibqgħu nagħtu l-ikel, jibda jtir waħdu u jiekol waħdu. X’ħin jara li lilna m’għandux aktar bżonna, jibda jsib ikel li hu kemmxejn abbundanti fil-Buskett, dawn ma jiġux aktar lura u hemmhekk ikun ta’ suċċesss il-proċess. Hu jibda jfendi għal rasu u forsi jkollna bejtiet fis-salvaġġ ukoll.”

It-triq s’hawn ma kinitx faċli. Is-Sur Micallef spjega li wara l-ħruġ tal-permessi tliet snin ilu, il-proġett beda bl-iżvilupp tal-guvi. Is-sena l-oħra, barbaġani li kien hemm nsterqu. Wara li ġiet irranġata ħsara li saret, il-koordinatur tal-proġett qal li sabu l-għajnuna tal-Ministeru għall-Ambjent biex sar investiment f’sistema ta’ kameras tas-sigurtà u minkejja d-diffikultajiet tal-pandemija sabu par barbaġann mil-lokal li issa jinsab fil-guva biex tibda fażi oħra tal-proġett. Il-par hu tal-ispeċi Tyto Alba li hi l-ispeċi tal-barbaġann li jgħix fil-Mediterran. Il-pubbliku issa jista’ jsegwi ‘l dan il-par permezz ta’ servizz ta’ live streaming mill-guvi.

“Mhuwiex il-proġett tal-FKNK imma hu l-proġett tal-poplu Malti u Għawdxi kollu u jekk Alla jrid fil-futur qarib nisperaw li dan il-proġett jevolvi u narawh mhux fil-Buskett biss imma narawh f’postijiet urbani fejn jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-komunita’ kollha.”

Il-barbaġann itir bil-lejl u kunsidrat ħabib kbir tan-nies għax jaqbad il-ġrieden u jikolhom, bħalma hu d-destin ta’ mammiferi oħra żgħar.

Fir-Razzett tal-Bagħal, li għalaq ħames snin f’idejn il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-attivita’ mhix konċentrata biss fuq il-proġett tal-barbaġann iżda jintuża bħala ċentru ta’ informazzjoni u edukazzjoni. Il-kap eżekuttiv tal-federazzjoni, Lino Farrugia, qal li ġiet żviluppata mixtla ta’ siġar indiġeni bħal ballut, lewż, rand, ħarrub u żnuber.

“Kien hawn fuq 3,000 xitla ta’ siġar u qassamna ħafna minnhom. Se nkomplu nkabbru. Din se tikber ħafna għax ghandna fejn inkabbru ħafna u dawn inqassmuhom mhux lill-membri kaċċaturi u nassaba biss, imma wkoll lill-pubbliku inġenerali li jkun jixtieq dawn l-affarijiet.”

Biex jintlaħaq dan l-għan, il-federazzjoni għandha l-permess tiġbor mill-Buskett żrieragħ ta’ dawn is-siġar. Fir-razzett qed jiġi żviluppat bħal mużew żgħir ta’ affarijiet li għanhom x’jaqsmu mal-kaċċa u l-insib, bis-Sur Farrugia jgħid li jinsabu f’kuntatt ma’ Heritage Malta biex dan jikber.

Ara wkoll:

Tyto u Alba – l-ewwel koppja ta’ barbaġġan fi proġett biex l-ispeċi titkattar fis-selvaġġ