Kronaka
Jitlef ħajtu wara li waqa’ minn fuq ċint

Raġel mill-Ġorġja ta’ 27 sena tilef ħajtu dal-lejl wara li aktarx waqa’ minn fuq ċint fil-Mellieħa.

Għall-ħabta tal-għaxra tal-Ħadd filgħaxija, il-Pulizija ntalbet tassisti fi Triq il-Wied Ta’ Ruman fil-Mellieħa fejn kien hemm raġel mitluq mal-art f’ammont sostanzjali ta’ demm. Fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei iżda r-raġel ġie ċertifikat mejjet fuq il-post.

Il-Pulizija qalet li mill-ewwel stħarriġ li sar jidher li r-raġel waqa’ m’għola sular minn fuq ċint fl-istess triq. Television Malta hu infurmat li ma jidhrix li kien hemm terzi persuni involuti, fost suspetti mill-Pulizija li r-raġel kien xurban meta’ waqa’.

Il-Maġistrat tal-Għassa, Rachel Montebello, qed tmexxi l-inkjesta bil-għajnuna ta’ diversi esperti li nnominat.