Kultura
Jitlesta r-restawr u joħorġu fid-deher il-kuluri oriġinali tal-kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu

Għawdex għandu saċerdot ġdid: Dun Mario Mercieca mill-Parroċċa tal-Katidral fir-Rabat. Il-Ġimgħa filgħaxija, l-Isqof Mario Grech mexxa l-ordinazzjoni saċerdotali li minħabba ċ-ċirkustanzi tal-COVID-19 saret fil-wesgħa quddiem is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu fis-sena li s-santwarju qed ifakkar l-ewwel ċentinarju mit-tqegħid tal-ewwel ġebla.

Fl-istess quddiesa ġew ordnati żewġ djakni: Dun Andrew Grima minn San Lawrenz u Fra Etienne Gilson, Franġiskan Konventwal minn Birkirkara.

Din l-okkażjoni saret fil-ġranet li l-kwadru devot tal-Madonna Ta’ Pinu, għadu kemm ġie rrestawrat bid-differenza fl-ilwien tispikka ħafna. Il-kwadru li hu wieħed mill-aktar xbihat devoti f’Malta għalaq 400 sena u juri t-tlugħ fis-sema tal-Madonna.

Ix-xogħol ta’ konservazjoni u restawr fuq il-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu ħareġ fid-deher il-kuluri oriġinali tal-pittura ffirmata minn Amadeo Perugino. Interventi li saru tul is-snin biddlu wħud mill-karatteristiċi oriġinali tal-pittura li għandha aktar minn 400 sena.

Dan il-kwadru kien skur u safrani iżda wara r-restawr mill-kumpanija Atelier del Restauro ħarġu ħafna dettalji li kienu ntilfu.

“Dan il-layer safrani li hemm fuq il-kwadru wara ħafna testijiet sibna li mhux oriġinali minħabba l-fatt li kien hemm ħafna layers ta’ verniċ waħda fuq l-oħra,” qalet ir-restawratriċi Valentina Lupo.

Ir-restawratriċi Valentina Lupo spjegat li qabel beda x-xogħol, il-kwadru kien ilu kważi tliet snin jiġi studjat. Qalet li l-kwadru għadda minn diversi interventi ta’ restawr, li ħafna minnhom ma kinux dokumentati. L-unika dokumentazzjoni li nstabet hija tar-restawr li sar minn Carmelo Bonello fl-1933, qabel l-inkurunazzjoni.

“Aparti li kien naddfu kienet saret ukoll tila ġdida minn wara fejn it-tila oriġinali twaħħlet fuq tila ġdida minħabba li l-kwadru kien ukoll fi stat ta’ deterjorazzjoni,” qalet Valentina Lupo.

Amadeo Perugino pitter il-kwadru fuq tliet tili meħjuta waħda mal-oħra. Ir-restawratriċi rrimarkat li kien hemm żoni fejn dawn il-ġonti infetħu.

Għall-isqof Mario Grech, il-kwadru kif restawrat huwa l-istess kwadru li kienet tara Karmena Grima u li minnu l-Madonna wasslet il-vuċi tagħha.

“Jien nawgura li kull min jirnexxielu iserraħ il-ħarsa tiegħu fuq dan il-kwadru jisma’ b’widnejh il-kliem ta’ faraġ ta’ konsolazzjoni li taf tagħti din l-omm,” qal l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech.

L-istudjuż tal-arti, Sandro Debono spjega kif mill-aspett artistiku dan hu kwadru partikolari ħafna għaliex l-artist ġej mill-periferija tad-dinja tal-arti u tpitter aktar minn 10 snin wara li Caravaggio kien f’Malta.

“Il-kwadru però qed jitkellem lingwa xi ftit differenti. L-ewwel nett il-kuntest huwa ta’ kappella ġo Għawdex qrib l-Għarb, li dan il-personaġġ Pinu Gauci qiegħed jitfa’ l-enerġija tiegħu – jagħti l-patronaġġ tiegħu biex din il-kappella tkun restawrata, tkun sostnuta u l-kwadru prattikament huwa l-aħħar jew wieħed mill-iktar proġetti prominenti li jaslu biex iżejnu din il-Knisja,” spjega l-istudjuż tal-arti Sandro Debono.

Fiż-żjara tiegħu f’Malta, 10 snin ilu, il-Papa Benedittu XVI qal lill-Maltin biex jitolbuha u jsejħulha Sultana tal-Familja.

Aħbarijiet Oħra

Il-viżjoni li tixpruna l-programm li tħejja għall-istaġun li jmiss ta’ Spazju Kreattiv taħseb biex tegħleb l-isfidi tal-Covid-19, bl-organizazzjoni ta’ 400 attività bis-sehem ta’ 320 artist u 17-il għamla ta’ arti…

Fil-Jum Dinji tat-Tindif, l-attivitajiet f’Malta kienu ffukati biex iwasslu messaġġ dwar il-ħsara li jagħmel il-plastik fil-baħar. Minn attivitajiet ta’ tindif f’erba’ bajjiet popolari, f’għodwa waħda nġabru ‘l fuq minn 150…

Aktar