Ambjent
Jitlesta x-xogħol ta’ tisbiħ fuq il-promenad ta’ San Pawl u l-madwar

Ħaddiema tal-Gvern lestew it-tisbiħ u l-manutenzjoni tal-promenad kollu ta’ San Pawl il-Baħar, il-Qawra u Bugibba.

F’din il-ħidma tnaddfu u nżebgħu mill-ġdid 613 ‘pedestrian railing’, inżebgħu aktar minn 65 bank u 87 arblu tad-dawl waqt li tbiddlu 31 tabella u 40 bozza.

It-tieni inizjattiva ta’ “Insebbħu Pajjiżna” rat ukoll jitnaddfu u jinħaslu t-toroq kollha ta’ San Pawl il-Baħar, il-Qawra, ix-Xemxija u anke Marsaxlokk.

Minn dawn it-toroq, li jammontaw għal aktar minn 100 km, inġabru total ta’ 27 tunellata ta’ skart u materjal.

Ix-xogħlijiet li saru kienu jinkludu żebgħa u manutenzjoni ta’ ‘railings’ eżistenti, tindif ta’ pavimentar, bdil ta’ bozoz, żebgħa ġdida ta’ ‘traffic islands’ u ‘central strips’, ħasil ta’ toroq, bdil u tindif ta’ tabelli, tneħħija ta’ dgħajjes abbandunati, manutenzjoni fuq bankijiet u għamara oħra tat-triq, installazzjoni ta’ ‘railings’ ġodda, tiswijiet ta’ ħitan tas-sejjieħ u tal-franka, tneħħija ta’ tabelli illegali u żebgħa ġdida tas-sinjali tat-traffiku mal-art.​

Il-ħaddiema involuti ġejjin mid-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Parks Malta, Ambjent Malta, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Enemalta, Transport Malta u l-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi.

Fl-aħħar jum tal-kampanja għamlu żjara lill-ħaddiema li kienu qed jaħdmu Buġibba l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista li hu responsabbli mill-indafa pubblika u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar li l-uffiċċju tiegħu qed jikkordina din il-kampanja.

Il-Ministru Bartolo rrimarka li t-tindif fil-lokalitajiet tagħna jibqa’ kruċjali biex inkomplu nsebbħu lil pajjiżna u rrikonoxxa li postijiet turistiċi bħal San Pawl il-Baħar joffru sfidi li jeħtieġ inkomplu nindirizzaw b’mod regolari u b’effiċjenza.

Is-Segretarju Parlamentari Debattista semma kif fi ftit ġranet il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ħadu ħsieb it-tindif u l-manutenzjoni ta’ din il-lokalità minn tarf sa ieħor.

Is-Segretarju Permanenti Cutajar żied jgħid li l-kampanja “Insebbħu Pajjiżna” se tkun qed tirritorna f’Settembru li ġej.