Ambjent
Jitlob għal sigurtà kontinwa fid-Dwejra wara l-vandaliżmu fuq siġar antiki

It-Tieqa tad-Dwejra ġġarfet bil-maltemp iżda mhux l-istess jista’ jingħad għas-siġar endemiċi oħrajn tat-tip Tamarisk Africana li kellhom għexiren ta’ snin li tqaċċtu illegalment fid-Dwejra.

Is-Sindku ta’ San Lawrenz, Noel Formosa waqt li sejjaħ it-tqaċċit ta’ dawn is-siġar bħala vandaliżmu premeditat, qal li hemm bżonn sigurtà kontinwa fiż-żona tad-Dwejra b’sistema ta’ cameras tas-sigurtà.

Bit-turiżmu bħalissa jinsab prattikament wieqaf, id-Dwejra f’Għawdex hija ‘l bogħod mill-għajn u din tidher li kienet ix-xoqqa f’moxtha biex inkiss inkiss tqaċċtu diversi siġar fil-ħemda tal-lejl.

B’kollox ġew imqaċċta erba’ siġriet endemiċi li kellhom għexiren ta’ snin, li kienu joffru ftit dell mix-xemx tiżreġ fil-parkeġġ tad-Dwejra, fejn fl-eqqel tas-sajf taħthom kienu jistkennu n-nies waqt li jilgħaqu xi ġelat li jkunu xtraw mill-gabbani li hemm fuq il-post.

L-intenzjoni u r-raġuni għal dan l-att għadu qed jiġu investigati mill-Puliżija u l-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi waqt li l-awtoritajiet ħadu passi mill-ewwel biex jitħawlu siġar oħra minflokhom.

Is-Sindku ta’ San Lawrenz, Noel Formosa appella lill-awtoritajiet biex jinstallaw sistema ta’ cameras tas-sigurtà fiż-żona.

”B’mod pożittiv ngħid li rċevejt minn għand il-Ministru tal-Ambejnt, Aaron Farrugia, fejn wegħdni li ser jiddiskuti din il-materja din il-ġimgħa”.

Is-Sur Formosa żied jgħid li l-kunsill jirċievi diversi rapporti ta’ abbużi li jseħħu fid-Dwejra. Wera l-fehma wkoll li l-gabbani ma jistgħux jibqgħu jiżdiedu.

”Irridu nifmhu, ma jistax ikun li aħna jkollna l-bajja tad-Dwejra qisha monti fit-Turkija, li tkun qiegħda tagħti impressjoni kerha anki lil dawk ili jinżlu.”

Bl-għajnuna tal-Ministeru għall-Agrikoltura, il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz ħawwel 3 siġriet endemiċi tal-istess tip, biswit is-siġar li tqaċċtu.