Politika
Jitlob ruling dwar diskors li għamel dwaru d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi

L-eks Prim Minsitru u deputat laburista Joseph Muscat talab ruling mingħand l-Ispeaker Anġlu Farrugia dwar diskors li għamel dwaru d-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi fil-ħin tal-aġġornament fis-seduta tal-Erbgħa filgħodu.

Dr Muscat qal illi d-deputat Azzopardi għamel użu diżgustanti tal-privileġġ parlamentari biex għamel gidba inġurjuża u malafamanti dwar li qal li huwa jiċħad bil-qawwa u li hija bla bażi.

Id-deputat Muscat ikkwota mid-diskors tad-deputat Azzopardi fejn qal li d-deċiżjoni li ħa Joseph Muscat li jsejjaħ elezzjoni kmieni mhux minħabba l-każ Egrant iżda minħabba għarfien li kellu u nies korrotti miegħu li kien hemm
kumplott biex tinqatel wara li nkixfu minn Daphne Caruana Galizia fuq korruzzjoni.

Dr Muscat qal li f’din il-kalunja, l-Avuakt Azzopardi allega li l-ex Prim Ministru Joseph Muscat kien jaf bil-kumplott tal-qtil. Qal li dan jirriżulta biss mill-fantażija bla sens tad-deputat Azzopardi u mill-ebda livell ta skrutinju politiku. Huwa żied jghid li dan mhux tollerabbli.

Dr Muscat qal li fl-imgħoddi kien intalab aktar minn darba mill-Avukat Azzopardi permezz ta’ terzi biex ma jiġix attakkat fuq bażi personali u huwa qatt ma attakkah b’dan il-mod.

Dr Muscat qal li huwa l-uniku Prim Ministru li taħtu ttieħdu d-deċiżjonijiet biex ikun solvut każ maġġuri ta’ qtil.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li kien se jagħti ruling f’seduta oħra.