Enerġija
Jitneħħew il-cables tal-elettriku minn mal-faċċati fil-pjazza tal-Imqabba

Mal-mitt resident u negozji fil-pjazza tal-Imqabba u l-madwar ħadmu id f’id mal-Kunsill Lokali u mal-Enemalta biex tneħħew geġwiġija ta’ wires mill-pjazza u minn mal-faċċati tad-djar u każini. Dan ix-xogħol jilħaq wieħed mill-għanijiet tar-riġenerazzjoni tal-pjazza tal-lokal, fi proġett li sar mill-kunsill lokali bl-għajnuna tal-Ministeru għall-Infrastruttura.

Ħaddiema tal-Enemalta għaddejjin bl-aħħar xogħlijiet fl-Imqabba biex jitneħħew mal-ħames kilometri ta’ linji tal-elettriku u diversi brackets li kienu ma diversi faċċati ta’ djar u negozji fil-Misrah tal-Parroċċa u f’diversi partijiet ta’ toroq li jagħtu għal pjazza. Dan ix-xogħol seta’ isir wara li saru diversi feeder pillars li minnhom jitwassal is-servizz tad-dawl għad-djar u t-toroq permezz ta’ culverts apposta li saru max-xogħlijiet tal-pavimentar tal-pjazza.

“Bejn wieħed u ieħor niżlu madwar ħames kilometri tal-linji tal-elettriku tagħna permess tal-culverts li saru mill-kuntrattur li ikkollabora mal-Kunsill”.

Il-Manager tal-Enemalta responsabbli mid-distribuzzjoni, Karl Cilia, saħaq li proġett bħal dan jinvolvi kordinazzjoni ma diversi entitajiet iżda fuq kollox meħtieġa l-koperazzjoni tal-klijenti tal-Enemalta biex il-wires lejn il-meter tal-elettriku jgħaddu minn mal-bankina għal ġod-djar.

Is-Sindku tal-Imqabba, Omar Farrugia, qal li anke kumpaniji li jipprovdu servizz ta’ komunikazzjoni taw sehemhom biex il-wires tagħhom jgħaddu minn taħt l-art.

“Kellna kunsens unanimu bejn ir-residenti kollha u n-negozji kollha sabiex jitnizzlu darba għal dejjem il-wires tal-elettriku minn mal-faċċati tad-djar, hija eyesore għax din il-pjazza jixirqilha l-aħjar. Żgur li din ir-riġenerazzjoni hija utli għar-residenti kollha.”

L-Enemalta se twettaq proġett simili fiċ-ċentru ta’ raħal ieħor; Ħad-Dingli.