Politika
Jitnieda terminu ġdid għaċ-ċentru Europe Direct biex iqarreb liċ-ċittadin lejn l-UE

Il-Ministru Carmelo Abela nieda terminu ġdid għaċ-Ċentru Europe Direct fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Ewropej, bil-għan li l-pubbliku jkollu l-informazzjoni kollha, fost affarijiet oħra, dwar inizijattivi u liġijiet tal-Unjoni Ewropea.

Iċ-Ċentru Europe Direct, li jagħti informazzjoni dwar servizzi, drittijiet u obbligi, benefiċċji u opportunitjiet imnedija mill-Kummissjoni Ewropea, se jkompli jitmexxa mill-Aġenzija Servizzi Ewropej għall-erba’ snin li ġejjin.

Il-Ministru Abela qal li Malta ilha 17-il sena li saret membru tal-Unjoni Ewropea u ħadet diversi benefiċċji, fosthom fondi għal proġetti kbar, fosthom ta’ toroq, servizzi, restawr, impiegi, edukazzjoni u taħriġ għall-ħaddiema.

Qal li dan ix-xogħol jeħtieġ ħidma professjonali biex ikun jista’ jsir iċ-Ċentru Europe Direct fil-Belt, li ser ikompli jaħdem biex itejjeb ir-relazzjoni taċ-ċittadini Ewropej mal-Kummissjoni Ewropea b’kampanji ta’ informazzjoni u diskussjonijiet, fosthom fuq il-midja soċjali u l-mezzi tax-xandir.

Iċ-Ċentru Europe Direct huwa wieħed minn fost aktar minn 400 mifruxa mal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.