Kisbiet
Jitnieda l-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2021

Imniedi l-Premju Nazzjonali Ħaddiem tas-Sena 2021. It-tema għal din is-sena hija ‘Nirrikonoxxu s-Sehem tal-Ħaddiema Tagħna’. Il-kategoriji din is-sena żdiedu b’ħamsa, biex b’kollox se jingħataw disa’ premjijiet.

Minbarra l-premju ewlieni tal-Ħaddiem tas-Sena, se jiġu ppremjati wkoll it-tim tas-sena; il-kap tas-sena; l-aktar kumpanija sostenibbli; l-organizzazzjoni li tippromwovi l-aħjar ambjent, benefiċċji u kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ġenituri; l-aħjar imprenditriċi; l-aħjar imprenditur; l-aħjar mexxej jew mexxejja żagħżugħ jew żagħżugħa ispiranti; u l-aktar organizzazzjoni inklussiva.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, qal li dan l-unur huwa okkażjoni importanti biex jiġu ppremjati l-bżulija, id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji li jagħmlu l-ħaddiema.

Il-Ministru Abela rringrazzja lill-President George Vella talli qed jagħti l-patroċinju tiegħu għal dan l-unur; u feraħ lid-Direttur Maniġerjali ta’ Baxter, Brian Tabone, talli s-sena li għaddiet din il-kumpanija rebħet il-premju tas-sena għall-organizzazzjoni li tħaddem u li tippromwovi miżuri favur il-familja.