Lokali
Jitnieda proġett biex tiddakkar in-naħla Maltija

Fil-ġimgħa li d-dinja qed tfakkar Jum in-Naħal tħabbar proġett bil-għan li jsaħħaħ il-preżenza tan-naħla Maltija u jżid id-dakkir mill-friefet u n-naħal, proċess naturali importanti għall-għajxien.

Il-proġett ta’ dan il-Ġnien għall-Pollinazzjoni f’San Ġwann tħabbar mill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, li fih spjegat il-ħidma li se ssir mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann b’kollaborazzjoni ma’ Parks Malta. Il-ġnien se jsir f’żona urbana ta’ madwar 1,000 metru kwadru.

Miriam Dalli spjegat li s-sostenibbilità tal-proġetti titkejjel ukoll fuq dak li kapaċi noffru lura biex nsaħħu l-ambjent naturali.

“Qed inħabbru proġett differenti, iżda wieħed li qed naraw li se jservi kemm bħala post ta’ mistrieħ għar-residenti u wkoll ta’ edukazzjoni. Forsi ftit jafu li 80% tal-ikel li nieklu huwa mdakkar min-naħal. B’dan il-proġett qegħdin insebbħu l-ispazju miftuħ u nagħtu lura lill-ambjent,” qalet il-Ministru Dalli.

Miriam Dalli żiedet kif dan il-proġett se jgħin liċ-ċittadini, speċjalment it-tfal, jifhmu aktar kif in-naħla ddakkar, ikun hemm il-pollinazzjoni u għalfejn dan hu importanti għall-produzzjoni tal-ikel. Ħeġġet biex bi prattiċi sempliċi mid-dar ngħinu lin-naħla Maltija tkompli tikber.

In-nies li se jżuru l-ġnien se jkun jistgħu jaraw kif in-naħal jitkabbar u jipproduċu l-għasel li se jkun jista’ jintuża għall-produzzjoni tal-ikel.

Is-Sindku ta’ San Ġwann Trevor Fenech spjega kif ir-riġenerazzjoni ta’ dan is-sit se tagħti nifs ġdid lir-residenti tal-madwar.

Parks Malta se jgħidnu lill-kunsill fit-tisqija, iż-żabra u l-manutenzjoni tal-fjuri u s-siġar li ser jkunu qed jitħawlu minnhom stess.

Adrian Attard, id-Direttur Ġenerali ta’ Parks Malta, spjega kif se jitħawlu ammont ta’ siġar li se jgħinu lin-naħal idakkar. Dan jinkludi t-tħawwil ta’ siġar tal-ħarrub, lewż lagunarja u siġar ta’ Ġuda.

“Is-siġar ġew magħżula għar-raġuni li għandhom livell għoli t’għabra tad-dakra.  Dawn is-siġar jikbru fi żminijiet differenti matul is-sena, għalhekk in-naħal jkun jistgħu jdakkru s-sena kollha,” qal is-Sur Attard.

Se jiġu miżrugħa wkoll diversi xtieli bħal ħwawar, li joffru rwejjaħ aromatiċi. B’dan il-mod in-naħal se jkun qed iżid il-proċess ta’ kultivazzjoni, waqt li jservi bħala konservazzjoni u preservazzjoni tan-naħal, matul il-proċess tat-tkabbir tal-frott u ħaxix.