Politika
Jitnieda proġett li għandu l-għan li jtejjeb l-integrità u t-trasparenza fil-ħajja pubblika

Tnieda proġett li l-għan tiegħu huwa li jtejjeb l-integrità u t-trasparenza fil-ħajja pubblika. Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea u se jiġi implimentat mill-OECD.

Il-proġett li jiġi fi tmiemu sentejn oħra se jkollu l-appoġġ ta kumitat b’rappreżentati mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, membru minn kull grupp parlamentari, membru ieħor mill-Ministeru għal-Ġustizzja, kif ukoll membri mis-soċjetà ċivili u l-OECD.

Id-Direttur Ġenerali għar-Riforma Strutturali fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, Daniele Dotto, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Gvern talab għall-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’dan il-proġett.

F’kummenti ma’ Television Malta huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Gvern talab għall-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropwa f’dan il-proġett. “We do not decide to involve ourselves; it’s because the Maltese authorities decided to intervene and we check if the question is legitimate, in this case it was a perfect. There will be recommendations indeed, and what we expect is the Maltese authorities to take on board this recommendation.”

Waqt li faħħar l-isforzi fil-governanza li saru minn dan il-Gvern, qal li fadal diversi kwistjonijiet pendenti li jeħtieġ jiġu indirizzati, fosthom każijiet ta’ korruzzjoni fil-ħajja pubblika li jeħlu, kunflitt ta’ interess fil-ħajja pubblika, kif ukoll semma l-perċezzjoni għolja tal-pubblika għall-korruzzjoni fil-ħajja pubblika.

Id-Deputat Segretarju Ġenerali għall-OECD, Jeffrey Schlagenhauf, qal li dawk fil-ħajja pubblika għandhom ipoġġu l-ewwel l-interess pubbliku u mhux dak privat, b’hekk jitkattar aktar il-ġid komuni.

F’diskors li għamel fit-tnedija, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, qal li dan il-proġett għandu l-għan li jkompli jeduka s-soċjetà dwar x’għandhom jistennew mill-politiċi, kif ukoll dwar kif il-politiċi għandhom jaġixxu fis-soċjetà. Qal li l-ħidma tiegħu waslet għal rakkomandazzjonijiet bla preċedent f’dan ir-rigward.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza, Edward Zammit Lewis, qal li tul dawn it-18 il-xahar twettqu riformi li misshom kienu ilhom li saru kwart ta’ seklu. Madankollu qal li jeħtieġ aktar riformi fost l-oħrajn fil-kodiċi ta’ etika għall-membri parlamentari u l-finanzjament tal-partiti politiċi.

Is-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li l-progress soċjali u kulturali jġib miegħu ħtieġa għal aktar riformi. Qal li l-komunità Ewropea qed tirrikonoxxi l-iżviluppi pożittivi li għamlet Malta għall-aktar integrità fil-ħajja pubblika.