Lokali
Jitnieda servizz ġdid biex tikseb iċ-Ċertifikat tal-Vaċċin

Mil-lum, iċ-ċittadin jista’ jibda jżur wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov imxerrdin madwar Malta għal assistenza biex iniżżel u jistampa ċ-Ċertifikat tal-Vaċċin.

Iċ-ċertifikta tal-vaċċin jista’ jinkiseb wara li l-persuna tkun tlaqqmet kompletament, ħmistax wara li tkun ingħatat it-tieni doża f’każ li jkun ħa t-tilqima ta’ Oxford-AstraZenca, Moderna u Pfizer. Dawk li ngħataw it-tilqima ta’ Johnson & Johnson jistgħu jiksbu dan iċ-ċertifikat wara li jkun ħadu doża ta’ dan il-vaċċin.

Fi stqarrija, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar qal li ċ-ċentri tas-servizz.gov jinsabu l-Birgu, Birkirkara, il-Fgura, Ħal Lija, Ħal Luqa, Ħal Qormi, il-Ħamrun, Ħaż-Żebbuġ, il-Mosta, l-Imsida, in-Naxxar, il-Qawra, ir-Rabat, Raħal Ġdid, San Ġwann, Tas-Sliema, il-Belt Valletta, Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun u ż-Żurrieq.

Mit-8 ta’ Ġunju, ċittadin f’Għawdex jista’ jikseb dan is-servizz taċ-Ċertifikat tal-Vaċċin billi jmur l-Innovation Hub fix-Xewkija (Gozo Innovation Hub, Triq il-Pitkalija, Ix-Xewkija) jew inkella mir-Rabat, Għawdex (IMU, The Duke, Livell 2, Triq ir-Repubblika, Ir-Rabat, Għawdex).

Il-ħinijiet tal-ftuħ f’Għawdex huma mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mit-08.00 sas-2.00 p.m.

Dawn iċ-ċentri se jimxu mal-protokolli kollha tal-Covid-19 sabiex tinżamm is-sigurtà għall-klijenti tagħna.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku ta’ servizz.gov www.servizz.gov.mt jew iżur il-midja soċjali.