Lokali
Jitnieda sit fejn nies li jaħdmu fil-qasam tal-proprjetà jistgħu jirreġistraw għal-liċenzja

Minn bħal dan iż-żmien sena, nies li jaħdmu fil-qasam tal-proprjetà bħal aġenti, sensara u konsulenti jrid ikollhom liċenzja. It-tħejjijiet għal dan għaddejjin fosthom bit-tnedija ta’ sit fejn minn issa jistgħu jirreġistraw għal-liċenzja, anke dawk li għad m’għandhomx il-kwalifiċi meħtieġa.

Tnieda s-sit li aġenti tal-propjetà immobbli, sensara tal-propjetà u konsulenti tal-propjetà għandhom jaċċessaw biex ikunu jistgħu jirreġistraw għal-liċenzja li se tkun obbligatorja għal dawk li jaħdmu fis-settur mill-bidu tas-sena d-dieħla.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni, Chris Aguis, qal li sentejn u nofs ilu kienet ipppubblikata l-ħames direttiva tal-Unjoni Ewropea biex tissielet il-ħasil ta’ flus bis-settur tal-aġenti li jaħdmu fil-kiri u l-bejgħ tal-proprjetà identifikat bħala wieħed mis-setturi li jeħtieġ ikun regolat.

Qal mis-sajf li għadda bdew jingħataw il-korsijiet f’dan il-qasam mill-MCAST li qed toffri taħriġ għall-aġenti tal-propjetajiet sabiex jiksbu l-liċenzja.

“Meta persuna tkun qed tixtri propjetà qed tagħmel possibilment l-ikbar investiment li tkun għamlet f’ħajjitha u allura huwa importanti li min qed itiha l-pariri sabiex tixtri l-propjeta ikun qed itiha bil-pariri skont kif titlob il-liġi kif ukoll skont l-aħjar interessi ta’ min qed jitlob il-pariri u allura kien importanti li dan is-settur jiġi regolarizzat”.

Is-sur Aguis qal li l-liġi li daħlet fis-seħħ fis-sajf li għadda tfasslet wara sensiela ta’ diskussjonijiet. L-applikazzjonijiet għal-liċenzji jridu jsiru sal-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena minn fuq is-sit tar-reġistrazzjoni realestateregistration.gov.mt.