Lokali
Jitniedu strateġiji ġodda biex isaħħu l-qasam edukattiv kollu

Se jibda jitwettaq dak imniżżel iswed fuq l-abjad f’ħames dokumenti studjati dwar oqsma varji fil-qasam edukattiv. Konferenza organizzata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni indikat it-triq ‘il quddiem biex dan iseħħ.

Il-Ministeru qal li dawn l-istrateġiji jibnu fuq is-suċċessi tal-passat waqt li jindirizzaw nuqqasijiet, sfidi u realtajiet ġodda fid-dinja tax-xogħol u fil-tifsila tas-soċjetà li qed issir iktar multikulturali.

Konferenza organizzata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni laqqgħet esperti minn oqsma edukattivi varji biex jiddiskutu pjan kif se jimplimentaw ħames stateġiji li tnedew fil-ġimgħat li għaddew.

Dawn huma l-Qafas ta’ Politika Nazzjonali għall-Edukazzjoni u l-Kura tat-Tfulija Bikrija, mit-twelid sa seba’ snin; l-istrateġija dwar it-tluq Bikri mis-sistema edukattiva u mit-taħriġ; l-iStrateġija Nazzjonali tal-Litteriżmu; l-iStrateġija Nazzjonali għat-Tagħlim għall-Adulti u l-pjan tal-Kulleġġ għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST għas-snin sal-2027.

Fil-ftuħ tal-konferenza, il-Ministru Justyne Caruana qalet li fl-aħħar snin bdiet titwettaq riforma fis-settur edukattiv msejsa fuq viżjoni li kull persuna, mit-tfal sal-kbar, ikollhom l-għodod neċessarji biex jimxu ‘l quddiem fil-ħajja u b’hekk ikun assigurat li ħadd ma jaqa’ lura.

Qalet li l-għan wara dawn l-istrateġiji hu li kemm jista’ jkun il-pajjiż jieħu l-aktar għal dak li qed jinvesti fih.

Qalet li minkejja l-pandemija, is-settur edukattiv irriżulta f’wieħed b’saħħtu li biddel l-isfidi f’opportunità u b’dawn l-istrateġiji se jiġi aġġornat biex jibqa’ wieħed b’saħħtu u jindirizza l-bżonnijiet soċjali u ekonomiċi tal-pajjiż.

“Rajna wkoll li fejn jidħlu l-early school leavers in-numri naqqsu drastikament fis-sena 2020 u nipprospettaw li fir-riżultat li jmiss se nkomplu nnaqqsu. Iżda xorta jibqa’ l-fatt li rridu nibqgħu insaħħu l-bażi għax sakemm jibqa’ tifel jew tifla li joħroġ mis-sistema edukattiva mingħajr ħiliet u mingħajr kwalifiki ifisser li m’aħniex nilħqu lil dak l-istudent jew studenta u rridu naħdmu iżjed biex nilħuqhom.”

Il-konferenza serviet bħala ġabra ta’ ideat mill-esperti dwar kif se jibdew jiġu mplimentati minn issa r-rakkomandazzjonijiet li fihom dawn il-ħames strateġiji u biex dan iseħħ kemm jista’ jkun bla skossi.