Lokali

Jitolbu li l-pubbliku jkollu aċċess bla periklu għal spazji ħodor u blu

Rappreżentanti tal-komunitajiet lokali għall-pajsaġġi kulturali abitabbli fil-Port il-Kbir, ippreżentaw ittra liċ-Chairman tal-MEPA, Vince Cassar, li fiha sejħu lill-awtoritajiet u kull min jippjana biex, fost affarijiet oħra, jsostnu d-dritt tal-pubbliku li jkollu aċċess bla periklu għall-ispazji ħodor u blu b’mod li jgawdihom.

Il-komunitajiet lokali għall-pajsaġġi kulturali abitabbli fil-Port il-Kbir ippreżentaw ‘charter’ li fiha enfasizzaw fuq il-bżonn li jitħarsu iżjed l-ispazji miftuħin ħodor u blu u l-pajsaġġi kulturali, b’mod speċjali fil-Kottonera. Anna Spiteri, kelliema għal dawn il-komunitajiet, qalet li jinsabu impenjati li jippromwovu r-reġjun tal-Port il-Kbir bħala żona ta’ rikreazzjoni u patrimonju ekoloġiku u wkoll bħala destinazzjoni ta’ turiżmu ta’ kwalità.

Is-Sinjura Spiteri ppreżentat ittra liċ-Chairman tal-MEPA, il-Perit Vince Cassar, li fiha fost affarijiet oħra, il-komunitajiet lokali għall-pajsaġġi kulturali abitabbli fil-Port il-Kbir talbu li jkun sostnut id-dritt tal-pubbliku li jkollu aċċess bla periklu għall-ispazji ħodor u blu u jgawdihom. Anna Spiteri spjegat li l-proġett ilu għaddej tliet snin mal-komunitajiet ta’ madwar il-Port il-Kbir li matulhom inġabru l-ideat tan-nies fuq kif jistgħu jkunu protetti l-ispazji ta’ madwar il-Port.

Qalet li fost it-talbiet liċ-Chairman tal-MEPA hemm li l-ispazji miftuħa jidħlu fil-pjani lokali li qed jitħaddmu issa u li dawn is-siti jibdew jissejħu bħala postijiet għall-ġid tas-soċjetà. Anna Spiteri qalet li l-komunitajiet li ssieħbu f’dan il-proġett huma mħassba wkoll dwar il-proġett tal-Istitut Amerikan f’Malta.

Anna Spiteri mill-‘Integrated Resources Management’ qalet, “It-tħassib tagħna hu li ilna ngawdu l-aċċess kostali quddiem id-Dock 1 dan l-aħħar ftit xhur u li jekk dan jiġi żviluppat, l-aċċess tal-kosta tiġi magħluqa. Li t-taraġ u l-lift li hemm għall-konvenjenza tan-nies ukoll jiġi maħnuq minn dan l-iżvilupp. Qisu xi ħadd tana xi ħaġa u mbagħad ħadielna lura.”

Iċ-Chairman tal-MEPA, Vince Cassar, qal li mill-ġimgħa d-dieħla l-MEPA tispiċċa u tibda l-awtorità tal-ippjanar, iżda saħaq li r-rappreżentanti ta’ dawn il-komunitajiet għandhom jagħmlu l-preżentazzjoni tagħhom quddiem il-membri ġodda tal-bord. Qal li hu jaqbel mal-proposti li hemm fiċ-charter.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca tat l-appoġġ tagħha lil dan il-proġett li qed jisma’ l-vuċi tat-tfal u wkoll tal-komunità tal-Kottonera. Il-President qalet li f’kull skola li żżur, it-tfal jitkellmu fuq l-ambjent. Qalet li meta żaret l-iskola tal-Fgura t-tfal qalulha li huma neqsin minn spazji fejn jilagħbu.

Il-President temmet billi wriet ix-xewqa li l-politiċi jagħtu każ dak li qed jgħidu t-tfal.