Lokali
Jitolbu li ssir magħrufa l-verità dwar envelop bil-posta b’sustanza suspettuża

Id-deputati Nazzjonalisti Karol Aquilina, Jason Azzopardi, l-ex Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Ewro Parlamentari David Casa qalu li għaddew sentejn mindu rċevew envelop bil-posta li kien fih sustanza suspettuża u għadhom jistennew li ssir magħrufa l-verità u l-ġustizzja

Fi stqarrija, huma qalu li kienu informaw lill-Pulizija b’dak li rċevew u talbu li ssir investigazzjoni. Qalu li kkoperaw bis-sħiħ mal-Pulizija u wħud minnhom taw ix-xhieda tagħhom f’inkjesti maġisterjali.

Waqt li sejħu dan il-każ bħala frame-up fil-konfront tagħhom, qalu li baqgħu ma semgħu xejn mill-awtoritajiet dwar dan il-każ serju. Qalu li b’mod mhux uffiċjali saru jafu li s-sustanza suspettuża kien fiha d-droga kokaina. Qalu li sal-lum ma ġewx informati dwar x’investigazzjonijiet għamlu, x’irriżulta u x’azzjonijiet ittieħdu kontra dawk li qalu li pprovaw iweġġgħuhom.

Qalu li f’pajjiżna hawn bosta persuni li għandhom il-mezzi, l-interess u l-intenzjoni li jivvendikaw ruħhom minnhom billi jipprovaw iweġġgħu lilhom u lill-għeżież tagħhom.

Huma temmew jiġbdu l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna bil-periklu li qalu li jinsabu fih u qalu li ma jistennewx li xi wieħed minnhom jiġi attakkat biex jieħdu azzjoni.