Immigrazzjoni
Jitolbu spjegazzjoni lill-Gvern dwar 270 immigrant f’nofs ta’ baħar

L-għaqda Repubblika u s-Civil Society Network (CSN) talbu lill-Gvern jagħti spjegazzjoni dwar 270 immigrant li allegatament tħallew f’nofs ta’ baħar fiż-Żona ta’ Tiftix u Salvataġġ ta’ Malta.

L-immigranti ġew irrapportati li kienu fuq tliet dinghies, waħda b’60 immigrant, oħra b’100 immigranti u oħra b’110 immigranti.

CSN ikkwotat għaqdiet internazzjonali jgħidu li l-awtoritajiet Maltin ma wettqux dmirijiethom u ddeskriviet dan bħala akkuża gravi li tinħtieġ tweġiba.

L-għaqda staqsiet jekk il-Gvern hux jikkordina ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew hux jiddelega b’mod illegali r-responsabbiltajiet tiegħu lil stati terzi.

Matul il-jum tal-bieraħ kienet l-għaqda Repubblika li appellat lill-awtoritajiet Maltin u Taljani biex isalvaw il-ħajjiet tal-immigranti li jsibu ruħhom f’diffikultà fl-ibħra tagħhom.

Intant l-NGO Alarm Phone qalet li tnejn minn dawn it-tliet gruppi ta’ immigranti ddaħħlu Lampedusa wara li għal dawn l-aħħar tlett ijiem ma ttieħdet ebda azzjoni mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

TVM jinsab infurmat li fil-fatt it-tliet dgħajjes iddaħħlu f’Lampedusa.