Kultura
Jitpaxxew l-għajnejn bil-ġenna ta’ ġonna fil-Floriana

Il-Floriana għandha numru kbir ta’ ġonna li ta’ kull sena jkunu l-qofol tal-attività “ġenna ta’ ġonna”.

Fl-attività, li issa ilha ssir disa’ snin, il-viżitaturi mhux biss iżuru l-ġonna, imma jkollhom ċans li jaraw postijiet li mhux ta’ spiss ikollhom opportunità jidħlu fihom.

Il-Floriana – lokalità urbana qabel il-kapitali – popolari għall-attivitajiet tal-massa fuq il-fosos tal-Floriana, il-knisja parrokkjali ta’ San Pubbliju, Bieb il-Bombi u Triq Sant’Anna.

Iżda din il-lokalità, li ħadet isimha mill-arkitett Taljan li ddisinja l-fortifikazzjonijiet li jdawruha, Pietro Paolo Floriani, toffri aktar minn hekk. Il-Floriana għandha l-akbar numru ta’ ġonna pubbliċi f’Malta fil-konfini tagħha. Mhux ta’ b’xejn li bosta jsibuha bħala ġenna ta’ ġonna – li huwa wkoll l-isem ta’ attività tal-kunsill lokali li issa daħlet fid-disa’ sena tagħha.

Il-Ħadd filgħodu għadd ta’ familji żaru ġonna ewlenin fosthom Ġnien il-Mall, l-Argotti u Ġnien San Filippu, fejn f’nofsu tinsab funtana li oriġinarjament kienet fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt.

”Ġenna ta’ Ġonna mhijiex biss dwar il-ġonna . . . kienu bosta dawk li niżlu fil-mina minn fejn kienet tgħaddi l-ferrovija.”

Il-fundatur u chairman ta’ The Malta Railway Foundation, Paul Galea qal “hawn isfel m’hawnx fjuri u m’hawnx ħaxix però xorta hawn ġenna għal dawk li bħali jħobbu l-ferrovija però anke għal dawk li jħobbu l-istorja. Din hija ġenna tal-art oħra għalina għas-sempliċi raġuni li hawnhekk kienet tgħaddi l-ferrovija. Dan hu t-tunnel li fih kien hawn ukoll l-istazzjon tal-Floriana.”

Galea spjega lill-viżitaturi li fiż-żmien it-tieni gwerra dinjija dan il-post serva bħala xelter.

“It-taraġ li ftaħna din is-sena kien jintuża bħala skola.”

Ġenna ta’ Ġonna saret f’atmosfera ta’ festa bis-sehem fost oħrajn tal-banda Vilhena.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Sas-sajf li ġej mistennija jkunu lesti għall-użu taċ-ċiklisti u l-pubbliku, żewġ pontijiet pedonali li qed isiru bħalissa għal żewġ toroq ewlenin fi Blata l-Bajda u qrib l-ajruport f’Ħal Luqa.Il-pontijiet qed…

Saħħa

Saċerdot li kien jgħallem l-Università jħoss li l-ġerħa tas-solitudni, hi fonda tant, li qed tinħass ukoll fost iż-żgħażagħ. F’kummenti lil Television Malta, Dun René Camilleri stqarr li f’ċerti każijiet, din…

Lokali

L-istudenti tal-primarja u l-ġenituri tagħhom għandhom ċans isiru jafu iktar dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol li joffru l-industriji tax-xjenza u t-teknoloġija permezz ta’ expo li qed tiġi organizzata fl-Esplora fil-Kalkara. Fiċ-Ċentru…

Politika

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar kif se jinħatar il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija, b’metodu li fi kliemu hu aktar trasparenti mis-sistema ta’ bħalissa fejn il-ħatra ssir direttament mill-Prim Ministru. Dr Abela qal…

Aktar