Immigrazzjoni
Jitqaċċtu s-siġilli tal-istalel u l-immigranti jerġgħu jmorru jgħixu fihom

L-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar illum reġgħu marru fil-Marsa fl-istess żona fejn il-ġimgħa li għaddiet saret l-azzjoni ta’ infurzar fid-dsatax-il remissa li nbidlu f’residenzi illegali u li fl-aħħar jiem uħud minnhom reġgħu bdew jintużaw mill-immigranti li allegatament qaċċtu s-siġilli tal-Awtorità.

Fl-istess waqt twaħħlu avviżi fl-entraturi ta’ kumpless ieħor fil-qrib fejn mill-inqas żewġ remissi hu maħsub li nbidlu illegalment f’residenzi għall-immigranti.

Inqas minn ġimgħa mill-azzjoni ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar f’kumpless ta’ stalel fil-Marsa fejn instabu 80 immigrant f’kundizzjonijiet imfissra inumani, il-Perit Raphael Axiak li jmexxi t-taqsima tal-infurzar tal-Awtorità qal li f’remissa minnhom is-siġilli kellhom isiru mill-ġdid għax tqaċċtu biex l-immirganti jerġgħu joqogħdu fihom.

Il-Perit Raphael Axiak qal “sfortunatament kellna każ minnhom partikolari li darbtejn is-siġilli nqatgħu u kien reġa beda l-użu residenzjali b’mod illegali jiġifieri darbtejn kellna nintervjenu”.

Il-Perit Axiak qal li l-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar għadhom qed jgħassu ż-żona u waħlu avviżi ta’ infurzar fi tliet entraturi ta’ kumpless ieħor ta’ stalel li jinsab ftit metri bogħod minn fejn saret l-azzjoni ta’ żgumbrar il-ġimgħat li għaddiet.

Il-Perit Axiak qal “daħlu diversi complaints oħra fuq postijiet qrib ta’ dik il-binja u minn investigazzjonijiet li għamilna sibna li ċertu stalel inbidel l-użu tagħhom għal residenzi wkoll u ovvjament f’dak il-punt aħna rridu nintervjenu għax ikun sar bdil ta’ użu mingħajr permess mill-Awtorità”.

Waqt li konna fiż-żona sorsi qalulna li mill-inqas żewġ remissi allegatament inbidlu illegalment f’residenzi għall-immigranti. Il-kumplament qed jintużaw għaż-żwiemel bħal din ta’ George Bezzina.

George Bezzina qal “qatt ikkunsidrajt taqla’ ż-żwiemel u ġġib in-nies hawnhekk? Ifhimni aħna ta’ dawn dilettanti u m’għandhix fejn inrosshom”.

Is-Sur Bezzina u s-sidien jew l-okkupanti tal-istalel l-oħrajn huma mħeġġa jwaħħlu kuntatt tat-telefon mal-istalla jew jagħmlu kuntatt mal-Awtorità tal-Ippjanar. Is-sidien li bidlu l-istalel f’residenzi jridu jwaqfu l-illegalitajiet b’mod immedjat u għandhom 16-il ġurnata biex ireġġgħu is-sit għall-użu oriġinali.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Fi żmien l-adolexxenza u fl-ewwel snin taż-żgħożija, kienet tevita li tieħu ritratti, għax saret tobgħod id-dehra tagħha. Dorothy Scicluna rrakkontat ma’ TVM kif kienet konxja li hija rqiqa aktar milli…

Sigurtà

L-interventi tal-lifeguards, li huma stazzjonati fil-bajjiet Maltin, huma kruċjali u ġieli jagħmlu d-differenza bejn ħajja u mewt. Żorna wħud mill-bajjiet Maltin u tkellimna mal-lifeguards dwar is-servizz li jagħtu. Il-ġurnata tipika…

Festi

Ħadd wara l-festa ta’ Santa Marija, illum ġew iċċelebrati tliet festi li jħaddnu elementi uniċi. TVM żar il-purċissjoni ta’ Santa Liena li ssir filgħodu, l-offerta għall-irfiegħ tal-istatwa ta’ Santa Marija…

Kronaka

TVM jista’ jiżvela li t-testijiet tad-DNA fuq il-fdalijiet umani li kważi xahar ilu nstabu moħbija f’daħla f’sur tal-Belt huma ta’ Charlene Farrugia, it-tfajla ta’ 25 sena li kienet irrapportata nieqsa…

Aktar