Ambjent
Jitqassmu 500 xitla tal-palm lill-Kunsilli Lokali u lis-sajjieda

Mal-500 xitla tal-palm tqassmu lil 18-il Kunsill Lokali u lil xi sajjieda f’inizjattiva mill-gvern maħsuba biex ma jkunx hawn nuqqas ta’ palm fis-snin li ġejjin, minħabba l-bumunqar. Il-palm jintuża fost l-oħrajn mis-sajjieda għall-kannizzati waqt l-istaġun tal-lampuki.

Din is-sena minbarra l-ħuta, is-sajjieda ingħataw ukoll il-qasba hekk kif flimkien mal-weraq tal-palm li jingħataw kull sena għas-sajd tal-lampuki, tqassmu wkoll mal-500 xitla tal-palm lil 18 il-kunsill lokali kif ukoll lil kooperattiva tas-sajd.

Il-Minsitru għall-Agrikoltura u s-Sajd, Anton Refalo qal li l-pjanti li tkattru mid-direttorat għal-ħarsien tal-pjanti, ser jiżdied l-għadd ta’ palm fil-gżejjer Maltin wara li li nqerdu numru sostanzjali mill-bumunqar.

Minbarra l-palm li kull sena ngħatu lis-sajjieda, ħadna l-inizjattiva li din is-sena nagħtu mhux Inqas minn 500 xitla kemm lis-sajjieda u lil Kunsilli lokali, biex jitħawlu u l-kunsilli lokali u jkunu jistgħu jagħtu lis-sajjieda tagħhom.

Id-Direttur għas-Sajd, Dr Alicia Said qalet li weraq tal-palm huma essenzjali għas-sajd tal-lampuki.

“Bl-inizjattiva tal-lum ħa nkunu qegħdin noffru serħan il-moħħ għas-sajjieda Maltin u Għawdxin għax il-problema tal-bumunqar li minħabba f’hekk kellna numru ta’ palm li miet, aħna ser nassiguraw li ħa jkollna provista dejjiema, kemm għas-sajjieda preżenti u għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.”

Dwar l-impatt tal-bumunqar li ddaħħal Malta madwar 15-il sena ilu, id-Direttur għall-Ħarsien tal-Pjanti, Dennis Sciberras qal li l-impatt tal-bumunqar qiegħed jitrazzan bl-użu tal-pestiċidi.

“Nikkontrollawh totalment hija diffiċli però dejjem qegħdin nagħmlu dik in-naqra, bil-kimiki li qegħdin nużaw biex nisalvgwardjaw is-siġra, iżda mhix faċli għax tinduna meta s-siġra taraha qed tbati, imma min ikun qed jieħu ħsieb jagħmilhom ftit bexx fuqhom biex kemm jista’ jkun tevita.”

Is-sur Sciberras qal li flimkien max-xitel il-kunsilli lokali u s-sajjieda se jitqassmilhom il-bexx biex il-palm ma jdurx ghalih il-bumunqar.