Qorti
Jitraffika d-droga waqt li jbigħ il-kotba l-Belt

Matthew Vassallo ta’ 34 sena minn Bormla nżamm arrestat wara li ma ammettiex li l-Pulizija qabditu b’24 qartas tad-droga eroina lesta biex tkun traffikata. Il-Pulizija osservat lill-akkużat li f’Bieb il-Belt kien qed ibigħ xi kotba iżda minn taħt kien qed jitraffika d-droga.

Matthew Vassallo tressaq il-Qorti mill-Ispettur Michael Vella li qal li l-akkużat ikkommetta r-reat ta’ pussess u traffikar tad-droga f’post fejn ma hemmx distanza ta’ aktar minn 100 metru minn postijiet frekwentati miż-żgħażagħ u anke kiser il-libertà proviżorja minn sentenza oħra mogħtija mill-Qrati Maltin.

Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest minħabba li l-akkużat għandu saqajh maqtugħa u jgħix fuq wheelchair allura mhux se jaħrab minn Malta, mhux ser ikun hemm intraċċ tal-provi u għandu indirizz fiss. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat kemm minħabba l-gravità tal-każ kif ukoll għax l-imputat ma jistax ikun fdat.

Il-Maġistrat Gabriella Vella ma laqgħetx it-talba tad-difiża u ordnat biex l-akkużat jintbagħat il-ħabs filwaqt li rrakomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex Vassallo jingħata l-attenzjoni meħtieġa minħabba l-istat li jgħix fih.