Qorti
Il-Qorti tordna li l-qassisin mixlija bi stupru u abbuż sesswali jinżammu arrestati f’Kordin sakemm tkompli tinstema’ x-xhieda

Żewġ saċerdoti mix-Xagħra l-lejla twasslu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, fejn b’ordni tal-qorti se jinżammu arrestati wara li aktar kmieni matul il-ġurnata ġew mixlija b’abbużi sesswali ta’ tifel meta kienu għadu m’għalaqx it-tnax-il sena. L-allegati abbużi seħħew fix-Xagħra stess aktar minn ħmistax-il sena ilu, b’wieħed mill-qassisin qed jiffaċċja wkoll l-akkuża ta’ stupru. Huma ċaħdu l-akkużi.

It-tifel li llum hu żagħżugħ ta x-xhieda tiegħu fil-qorti fejn stqarr li minn dak li għadda minnu jħoss li għadu ma ġiex f’tiegħu. Television Malta jinsab infurmat li ż-żewġ saċerdoti ilhom bil-ministeru saċerdotali sospiż mindu s-Safeguarding Commission tal-Knisja tat rapport lid-djoċesi t’Għawdex b’rakkomandazzjonijiet dwar il-każi.

L-allegati abbużi sesswali minn żewġ saċerdoti Għawdxin seħħew fis-snin bejn l-2003 u l-2005 meta l-allegat vittma kien abbati fil-Knisja Arċipretali tax-Xagħra u kien għadu m’għalaqx it-tnax-il sena. Għalkemm il-vittma hu wieħed, għall-Pulizija l-każi huma differenti tant li s-saċerdoti tressqu b’arrest separatament. L-allegat vittma kien preżenti fil-bini tal-Qorti ta’ Għawdex fejn wara li nqraw l-akkużi ta x-xhieda tiegħu permezz tal-video conferencing. Ismu mhux jixxandar b’ordni tal-qorti.

Dun Ġużeppi Cini ta’ 71 sena mix-Xagħra qed jiffaċċja l-aktar akkuża serja: dik li stupra bi vjolenza lit-tifel. Mixli wkoll li kkorrompih. Hu wieġeb li mhux ħati. Fix-xhieda tiegħu, l-allegat vittma qal li l-ewwel darba li seħħ l-abbuż kien meta s-saċerdot ħadu miegħu d-dar, niżżillu l-qalziet, ħasillu l-parti privata tiegħu u daħħalha f’ħalqu. Drabi oħra, l-allegat vittma qal li ħadu bil-karozza, u kien jġiegħlu jmiss il-parti tiegħu. Irrakkonata li l-aħħar kuntatt seħħ fid-dar, fejn qal li s-saċerdot sforza lilu nnifsu fuqu. Qal li tant ħass uġiegħ fil-warrani li beda jibki u jgħajjat iżda l-akkużat kompla għaddej. Qal li kull darba li kienu jsiru dawn l-atti sesswali, Dun Ġużepp kien jagħtih il-flus li varjaw bejn 50 ċenteżmu sa ħames liri Maltin meta sar l-allegat stupru.

L-akkużat l-ieħor hu Dun Ġużeppi Sultana li għandu 84 sena mix-Xagħra wkoll. Hu wieġeb li mhux ħati meta akkużat li kkorrompa lit-tifel u li ġiegħlu joqgħod għal xi ħaġa li toffendi l-mistħija tas-sess tiegħu. L-allegat vittma qal li l-abbużi minn dan is-saċerdot saru f’kamra żgħira fis-sagristija tal-Knisja Arċipretali tax-Xagħra fejn isir il-qrar jew f’sala li tidħol għaliha mill-istess sagristija. Qal li s-saċerdot kien idaħħal idu taħt il-libsa tal-abbatini, jħollu l-buttuna tal-jeans jew is-shorts u jmisslu l-parti tiegħu. Qal li dan ġara kemm-il darba qabel jew wara l-quddiesa bil-kuntatt fiżiku jdum bejn żewġ u tliet minuti. Qal li meta kien jirrifjuta li jmur kien jaqbdu minn idu, u jbeżżgħu bil-familja jew li se jmur l-infern. Ix-xhud qal li kien jieħu l-impressjoni li s-saċerdot kien vjolenti u jhedded.

B’leħnu miksur, ix-xhud qal li dan kollu affettwah ħażin f’ħajtu. Qal li beda jmur lura fl-iskola, irrikorra għal vizzji fosthom ix-xorb, inħakem minn rabja kbira, ipprova jneħħi ħajtu u kellu jieħu kura għal dipressjoni. Stqarr li sal-lum iħoss li għadu ma ġiex f’tiegħu. Mistoqsi mill-prosekuzzjoni talabx xi kumpens finanzjarju lill-Kurja jew lill-imputati hu qal li kull ma talab kien li toħroġ il-verità kollha. F’ħinijiet waqt ix-xhieda, iż-żagħżugħ deher jibki.

Ix-xhud qal li sentejn ilu fetaħ qalbu dwar dan kollu ma’ Dun Anton Teuma, li kien għadu mhux l-Isqof ta’ Għawdex. Qal li Dun Anton irreferih għall-għajnuna u ħeġġu biex jirrapporta lis-Safeguarding Commission. Iż-żagħżugħ qal li llum il-ġurnata jirringrazzja lill-Mulej li sar jaf lil Dun Anton. Qal li fis-Sajf li għadda tkellem ma’ saċerdot ieħor li tah l-istess parir u mbagħad iltaqa’ mal-uffiċċjal ta’ din il-kummissjoni u għamillu rapport. Is-Safeguarding Commission infurmat b’kollox lill-Pulizija li investigat u ġabret il-provi għall-qorti. Mistoqsi jafx oħrajn li għaddew mill-istess esperjenza, iż-żagħżugħ qal li ma jridx isemmi ismijiet, iżda jaf tnejn li allegatament ġew abbużati minn Dun Ġużepp Ċini.

Iż-żewġ talbiet li saru mid-difiża għall-ħelsien mill-arrest intlaqgħu b’oppożizzjoni qawwija mill-prosekuzzjoni mmexxija minn uffiċċjali mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji kemm minħabba l-gravità tal-akkużi kif ukoll għax argumentaw li hemm biża’ li l-akkużati jagħmlu kuntatt ma’ xhieda li se jittellgħu fosthom 4 saċerdoti Għawdxin. Il-Maġistrat Monica Vella ordnat li s-saċerdoti jinżammu arrestati. L-ixjaħ saċerdot ma kkumentax barra l-qorti iżda Dun Ġużeppi Ċini li ħareġ ixejjer idu, meta mistoqsi iddispjaċihx, irrisponda “M’intix tarani nibki?!”. Mill-bini tal-Qorti f’Għawdex huma ttieħdu lejn Malta fejn qed jinżammu taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Dun Ġużepp Ċini ħiereġ mill-Qorti jxejjer

Ara wkoll:

Arrestati żewġ qassisin fuq allegat stupru ta’ abbati – se jitressqu l-Qorti t’Għawdex