Festi
Jitwaqqaf grupp ta’ ħidma biex mis-sena d-dieħla l-festi jibdew jiġu ċċelebrati b’mod sħiħ

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda waqfet grupp ta’ ħidma biex jibdew id-diskussjonijiet għall-festi mis-sena 2022.

Fi stqarrija, l-Għaqda qalet li dan il-grupp ta’ ħidma nħatar biex jħejji pjan konkret ta’ kif jistgħu jiġu ċċelebrati l-festi b’mod sħiħ mil-1 ta’ Jannar 2022.

Spjegat li dan il-grupp huwa ffurmat minn membri li huma involuti bi sħiħ fl-organizzazzjoni tal-festi fosthom is-Soċjetajiet tal-Banda, il-kumitati tal-festi u dawk tal-armar.

L-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda qalet li l-mira ta’ dan il-grupp hija li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar ikollu mfassal pjan ħolistiku li jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex juri li l-festi jistgħu jsiru mingħajr ma jnaqqsu l-ħarsien ta’ saħħet il-poplu.

Hija ħeġġet lill-istess awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika sabiex jagħtu widen għal bosta ittri li l-Għaqda bagħtet matul ix-xhur li għaddew u li s’issa għadhom mhux imwieġba.