Lokali
AĠĠORNAT: Il-ħatriet tal-Ambaxxaturi u Chairpersons se jgħaddu mill-għarbiel tal-Parlament

Il-Gvern se jressaq abbozz ta’ liġi fil-Parlament biex jitwaqqaf Kumitat Parlamentari ġdid li jibda’ jagħmel skrutinju tal-persuni nominati għall-karigi pubbliċi bħal Ambaxxaturi u Chairpersons ta’ awtoritajiet regolatorji.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li għalkemm il-Ministru konċernat se jkollu l-aħħar kelma, il-Gvern qed juri biċ-ċar li jrid isaħħaħ id-demokrazija billi jċedi wħud mis-setgħat tiegħu u jgħaddihom lill-Parlament.

Minn hawn u ftit ieħor l-Ambaxxaturi li jintgħażlu politikament u ċ-Chairpersons ta’ aġenziji jew entitajiet pubbliċi se jibdew jgħaddu mill-għarbiel ta’ Kumitat Parlamentari ġdid ta’ ħames membri, tlieta f’isem il-Gvern u tnejn f’isem l-Oppożizzjoni.

Waqt li ppreżenta l-abbozz ta’ liġi għal dan il-għan, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li għalkemm il-Ministru konċernat se jkollu l-aħħar kelma, għall-ewwel darba fl-istorja se jkun obbligat jieħu parir mill-Kumitat Permanenti li se jkun jismu ‘Kumitat dwar il-Ħatriet Pubbliċi tal-Kamra tad-Deputati.’

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Kultura Owen Bonnici qal li, “Qed nieħu d-deċiżjoni li ċ-Chairpersons tal-awtoritajiet regolatorji ewlenin u l-Ambaxxaturi mhux tal-karriera jiġifieri political appointees qabel il-Ministru jaħtarhom, ħa jkollu obbligu li jmur quddiem il-Parlament biex jieħu parir minn din l-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna.”

Skont l-abbozz ta’ liġi, il-Kumitat ġdid se jagħmel skrutinju tal-persuni ġodda li jiġu nominati għat-tmexxija tal-Bank Ċentrali, tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, u tad-diversi awtoritajiet kif ukoll tal-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla u tal-FIAU. Il-liġi mhux se tapplika għal ħatriet li saru jew li se jiġġeddu.

Il-Ministru Bonnici spjega li ċ-Chairperson tal-Kumitat li se jkun nominat mill-Gvern għandu l-obbligu li jiċċirkola fost il-membri tal-Kumitat in-nomini li jsiru u l-membri għandhom ħamest ijiem ċans biex jagħmlu l-mistoqsijiet bil-miktub lill-persuna nominata.

Il-mistoqsijiet iridu jkunu rilevanti għal kompetenza professjonali u jintbagħtu lill-Ministru li jgħaddihom lill-persuna nominata li jkollha ħamest ijiem biex tweġihom. Kemm il-mistoqsijiet u t-tweġibiet huma pubbliċi għajr jekk il-kumitat jordna mod ieħor.

Mistoqsi x’jiġri f’każ li l-Kumitat jara li l-persuna nominata ma tilħaqx il-livell mixtieq, il-Ministru Bonnici qal li l-Ministru konċernat se jkollu jagħti piż kbir lir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat. Argumenta li din il-miżura tkompli turi kif b’mod effettiv, il-Gvern qed isaħħaħ id-demokrazija.

 

Reazzjoni mill-Partit Nazzjonalista

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li d-deċiżjoni tal-Gvern li jaħtar Kumitat Parlamentari biex jagħmel skrutinju ta’ ħatriet pubbliċi hu pass tajjeb.  Intqal li l-Oppożizzjoni se tkun qed tieħu sehem f’dan il-Kumitat Parlamentari biex tassigura li l-ħatriet pubbliċi jsiru skont il-mertu u mhux skont it-twemmin politiku.

L-istqarrija tgħid li l-Oppożizzjoni ma tistax ma tinnotax li dan qed isir tard wisq, peress li f’dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern Laburista għamel ħatriet skandalużi u li saru mhux minħabba l-kapaċità tal-individwi, iżda minħabba l-lealtà tagħhom lejn it-tmexxija Laburista.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Raġel ta’ 22 sena kien ikkundannat sitt xhur ħabs wara li ntlemaħ mill-Pulizija jagħti d-droga lil sieħbu waqt lejl ta’ divertiment f’Paceville. Kien lejliet l-Ewwel tas-Sena tal-2016, meta Surġent u…

Politika

Rappreżentanti tal-PN ħawlu 55 siġra f’Wied Għollieqa immaniġġjat mill-għaqda Nature Trust, fl-okkażjoni tal-55 sena mill-kisba tal-Indipendenza. Is-siġar li tħawlu huma tal-ħarrub, taż-żebbuġ, taż-żnuber, tal-alaternu, tar-rihan, ta’ klin u taċ-ċipress. Il-Kap…

Festi

Fid-dawl tal-każ tal-Kappillan Deo Debono li qed jiġi implikat fis-serqa ta’ arti sagra, is-sagristan tal-parroċċa kkonferma ma’ TVM li l-festi esterni ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta tħassru. Ikkuntattjat minn TVM,…

Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia jemmen li l-Ewroparalamentari Nazzjonalisti ser jimxu mad-direzzjoni tal-partit u jivvutaw favur in-nomina ta’ Helena Dalli bħala Kummissarju Ewropew fl-aqwa interess tal-pajjiż. Intervistat ilbieraħ filgħaxija fid-Dar…

Aktar