Lokali
Jitwaqqaf kunsill konsultattiv dwar l-awtiżmu

Fil-Jum Dinji tal-Awtiżmu, is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis ħabbar it-twaqqif tal-ewwel Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu. L-ewwel impenn ta’ dan il-kunsill huwa li jfassal strateġija nazzjonali tal-awtiżmu, li għandha titlesta fi żmien sena.

Is-Sur Agius Decelis qal li l-Kunsill fih persuni professjonali li ġew approvati mil-Kumitat Permanenti ghall-Affarijjiet Soċjali tal-Parlament, skont l-Att dwar l-Empowerment tal-Persuni fuq il-Firxa Wiesgħa ta’ Awtiżmu.

Il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu qed jitmexxa minn Dr Alistair DeGaetano bħala Chairperson. Miegħu se jkollu tmien membri ex officio li huma s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tas-Saħħa Joseph Rapa; is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol Dr Francis Fabri; s-Sur Mark Musù, Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Politika Soċjali u Persuni b’Diżabilità; il-Professur Andrew Azzopardi, Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ Soċjali; il-Professur Godfrey Laferla, Dekan tal-Fakultà tal-Mediċina u Kirurgija; il-Professur Sandro Caruana, Dekan tal-Fakultà tal-Edukazzjoni; il-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna, u Joseph Cini, Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport.

Intant, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta xegħel il-faċċata tat-terminal b’dawl blu biex jimmarka l-ġimgħa ta’ Għarfien Dinji dwar l-Awtiżmu. Lil hinn minn dan il-ġest simboliku, l-ajruport nieda wkoll proġett pilota li jinkludi sensiela ta’ inizjattivi biex jagħmluha aktar faċli lill-persuni bl-awtiżmu fi triqthom lejn l-ajruplan. Passiġġieri li qegħdin jivvjaġġaw ma’ tfal u adulti b’awtiżmu issa jistgħu jimlew formola disponibbli is-sit elettroniku tal-ajruport qabel jibdew il-vjaġġ tagħhom. Dan bl-għan li jindikaw jekk jeħtiġux għajnuna addizzjonali biex jivvjaġġaw, fosthom fit-tħejjija għaċ-check-in u għall-kontrolli tas-sigurtà.