Ambjent
Jitwaqqaf l-ewwel bank nazzjonali tal-ġenetika għall-konservazzjoni tal-pjanti

Sa Ġunju tal-2022 Malta mistenni jkollha l-ewwel bank nazzjonali tal-ġenetika biex fih jiġu konservati pjanti, ħwawar, żerriegħa u siġar ta’ varjetajiet differenti li nsibu fil-gżejjer Maltin.

Hu stmat li fl-aħħar mitt sena ntilfu mal-mitejn varjetà ta’ siġar tal-frott u ċ-ċentru b’investiment ta’ tliet miljun ewro f’Ħal Lija hu maħsub biex jipproteġi dan il-wirt naturali u agrikolu.

F’Malta hawn madwar 800 pjanta indiġena li 25 minnhom jinsabu fil-gżejjer Maltin biss.

L-aġent Direttur għall-protezzjoni tal-pjanti, Maureen Delia qalet li hu stmat li fl-aħħar seklu iktar minn 200 varjetà lokali ta’ siġar tal-frott intilfu u jekk ma jsir xejn, Malta se tkompli titlef iktar speċi agrikoli. Għaldaqstant, biex dawn ikunu ppreservati ġiet identifikata żona fid-Direttorat tal-Pjanti f’Ħal Lija għall-iżvilupp tal-ewwel bank nazzjonali tal-ġenetika tas-sigar u l-pjanti.

“Fih ħa nikkonservaw kampjuni tal-flora Maltija kemm dik li tintuża mill-bdiewa bħal varjetajiet tal-ikel, siġar tal-frott, ċereali u anke pjanti slavaġġ li forsi qed ninnutaw li qed jonqsu.”

Il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo qal li dan il-proġett ta’ madwar €3 miljun mistenni jitlesta fi żmien sentejn oħra u se joffri opportunità ta’ riċerka u edukazzjoni.

“Fejn hemm jistgħu jiġu l-istudenti u ż-żgħażagħ jitgħallmu fuq il-pjanti tagħna waqt li fuq livell internazzjonali u Ewropew jista’ jibda jkollna bdil ta’ ideat.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond għall-Iżvilupp Rurali se tiffinanzja €900,000 f’tagħmir speċjalizzat biex il-post jkun ċentru adattat għall-wirt tan-natura u l-agrikoltura.