COVID-19
Jitwaqqfu l-vjaġġi kollha bejn Malta u l-Italja – Se jsiru arranġamenti biex Maltin jinġiebu lura – il-PM

Il-Prim Ministru, Robert Abela, ħabbar li b’effett immedjat, twaqqfu t-titjiriet bl-ajru u l-vjaġġi bil-katamaran bejn Malta u l-Italja. F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja għall-ħabta tan-nofs siegħa ta’ dalgħodu, Dr Abela qal li vjaġġi bil-katamaran se jitħallew isiru biss biex tinġieb il-merkanzija, mediċina u prodotti tal-ikel.

Il-Prim Ministru qal li din id-deċiżjoni hi indefinita u tibqa’ fis-seħħ kemm hemm bżonn. Dr Abela qal li d-deċiżjoni tal-Gvern segwiet id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, li l-Italja tinsab fi kwarantina obbligatorja.

Dwar il-Maltin li jinsabu l-Italja, il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jieħu ħsieb li jsiru l-arranġamenti kollha biex dawn jirritornaw Malta, b’diskussjoni dwar dan u miżuri oħra dwar il-Coronavirus se jiġu ttrattati fil-laqgħa tal-Kabinett iktar tard illum.

Dr Abela saħaq li s-saħħa tal-poplu Malti tiġi l-ewwel waqt li appella għall-kalma għax m’hemmx ħtieġa ta’ allarm. Hu sostna li l-pajjiż hu mħejji għal kull eventwalità. Fi kliem il-Prim Ministru, dalgħodu “nisbħu għal jum ta’ xogħol u skola normali”.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar cruiseliner li kien skedat jidħol Malta dalgħodu b’2,600 persuna abbord, Dr Abela qal li l-cruiseliner mhux se jitħalla jidħol fil-portijiet Maltin. Il-cruiseliner kien ġej minn Sqallija. Dwar ir-raba’ persuna infettata bil-Coronavirus, Dr Abela qal li d-dettalji se jingħataw fis-sigħat li ġejjin mid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.

Mistoqsi jekk il-Gvern hux jikkunsidra li jagħmel kwarantina mandatorja mal-pajjiż, il-Prim Ministru wieġeb li jekk il-miżuri ta’ bħalissa ma jkunux qed jiġu segwiti, ma jeskludi ebda miżura oħra b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Id-Deputat Prim Ministru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fl-aħħar 24 siegħa ma kien irreġistrat ebda każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta. Fuq Twitter Dr Fearne qal li “għax qbadna…

COVID-19

It-tabib tal-emerġenza, Michael Spiteri esprima d-diżżapunt tiegħu fuq il-media soċjali għall-fatt li lbieraħ filgħaxija partitarji tal-Floriana inġabru f’attività tal-massa fuq il-Fosos, sabiex jiċċelebraw id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol li vvutaw…

COVID-19

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, (WHO) issospendiet it-testijiet tal-hydroxychloroquine bħala trattament possibbli għall-Covid-19. Studju wera li din il-mediċina, li tintuża għal-malarja, tista’ tikkawża problemi tal-qalb fil-pazjenti u żżid ir-riskju ta’ mewt. L-ittestjar…

Aktar