Lokali
Jitwaqqfu żewġ gruppi ġodda speċjalizzati fuq it-turiżmu ta’ kwalità

Bil-għan li t-turiżmu jkun iktar sostenibbli, b’mod partikolari wara l-pandemija, twaqqfu żewġ gruppi ġodda speċjalizzati li se jkunu iffokati fuq it-turiżmu ta’ kwalità. Il-membri ta’ dawn il-gruppi ta’ ħidma se jkunu qed ifasslu rakkomandazzjonijiet li jistgħu ikunu implimentati hekk kif Malta qed tqarreb biex terġa taqbad ir-ritmu fis-settur li kien imxekkel bil-pandemija.

Tnedew żewġ gruppi speċjalizzati immirati li jagħtu direzzjoni u ħajja ġdida lill-industrija turistika, b’Think Thank Group li se jkun iffukat fuq ir-riġenerazzjoni tat-turiżmu ta’ kwalità u economic working group.

Iż-żewġ gruppi tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha il-kap eżekuttiv tal-awtorità tat-turiżmu Johann Buttigieg ikkonferma li l-istrateġija għandha twassal għal turiżmu ta’ kwalità li jsarraf f’iżjed benefiċċji finanzjarji għal Malta u fl-istess waqt iqis il-limitazzjonjiet loġistiċi ta’ Malta billi joħloq l-inqas impatt fuq l-ambjent u s-soċjetà.

Is-sur Buttigieg qal li dawn iż-żewġ gruppi huma magħmula mill-aqwa imħuħ f’Malta biex ifasslu rakkomandazzjonijiet prattiċi li għandhom iwasslu biex Malta issaħħaħ it-turiżmu ta’ kwalità.

“Hemm bżonn li noħorġu b’ideat ġodda, hemm bżonn li dak li ħriġna fl-istrateġija nidħlu f’iktar dettal biex nilħqu iktar kif attwalment dak li hemm fl-istrateġija nagħmluh iżjed implimentabbli fuq l-art”.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo qal li Malta trid tagħmel il-qabża lejn il-kwalità. Spjega kif Malta trid issib modi ġodda u innovattivi ta’ kif se tikkonsolida l-industrija turistika wara l-pandemija.

Mistoqsi dwar kif il-pajjiż għadu mhux fuq il-lista il-ħadra tar-Renju Unit li tassigura li t-turisti ma jkollhomx jagħmlu kwarantina wara li jżuru Malta, huwa qal li l-gvern għaddej b’taħdidiet mal-gvern Ngliż u huwa fiduċjuż li sa Ġunju din is-sitwazzjoni se tkun riżolta.

“Għaddejjin b’diskussjonijiet mal-gvern Ngliż speċjalment fejn jidħol qasam ta’ saħħa biex pajjiżna nkun nkuż fir-review li jmiss fil-grenn list tar-renju Unit, minkejja dan kolu l-iskemi qed ikunu ta’ suċċess u qed jiġġeneraw interess f’pajjiżna b’mod partikolari anki l-iskemi tal-free individual travellers u l-iskema tad-diving”.

Il-ministru Bartolo ikkonferma li l-gvern għaddej b’taħdidiet ma’ mill-inqas ħdax-il pajjiż fuq il-passaport l-aħdar li se jintuża biex jiċċertifika lit-turisti li jkunu tlaqqmu għall-covid.