Jitwaqqgħu l-ogħla strutturi tal-power station tal-Marsa

Din il-ġimgħa kompla jissokta x-xogħol tat-twaqqigħ ta’ strutturi tal-power station tal-Marsa. Fost oħrajn twaqqgħu l-ogħla żewġ strutturi li hemm fuq l-Għolja tal-Ġiżwiti, tnejn minn għadd ta’ air intake vents li kienu jissupplixxu l-arja lill-impjanti antiki tal-impjant fil-Marsa.

Ħafna miż-żarmar qed jitmexxa u jitwettaq minn ħaddiema tal-Enemalta stess waqt li kumpaniji oħra qed jitqabbdu biex iwettqu ħidmiet li għalihom l-Enemalta m’għandhiex il-ħiliet u t-tagħmir meħtieġ.

Fil-fatt tvm.com.mt jinsab informat li bħalissa għaddejja l-aġudikazzjoni ta’ sejħa għall-offerti li ngħalqet biex jiżżarmaw tliet ċmieni u għadd ta’ tankijiet tal-Heavy Fuel Oil.

Apparti dan ix-xogħol ta’ tħammil u twaqqigħ biex tinfetaħ it-triq ħalli jitwaqqgħu l-ewwel ċmieni u tankijiet tal-Heavy Fuel Oil, għaddejja b’ritmu tajjeb u mistennija titlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

It-twaqqigħ ta’ dawn iż-żewġ l-istrutturi kienet ta’ wġigħ ta’ ras kbira għall-ħaddiema minħabba l-għoli tagħhom u l-fatt li huma mibnija b’saffi ħoxnin ta’ konkos.