Lokali
Jixhdu Sandro Chetcuti u Ray Zammit fl-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Sandro Chetcuti u l-ex aġent kummisarju Ray Zammit xehdu fl-inkjesta pubblika indipendenti li qed issir biex tara jekk kienx hemm nuqqasijiet amministrattivi li setgħu wasslu għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fix-xhiedu tiegħu Sandro Chetcuti qal li huwa qatt ma kellu uffiċċju fir-raba’ sular taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, u spjega kif l-unika darba li tela’ fir-raba’ sular kien dakinhar tal-elezzjoni tal-2013.

L-ex aġent kummisarju Ray Zammit xehed dwar ir-rondi frekwenti li kienu jagħmlu l-Pulizija barra r-residenza tas-sinjura Caruana Galizia mete kien aġent kummissarju fl-2014.

Fix-xhieda quddiem il-bord ta’ inkjesta, Sandro Chetcuti qal li qabel l-elezzjoni tal-2013 kien jorganizza laqgħat bejn Joseph Muscat u diversi sidien ta’ negozji zghar u medji.  Xehed li kienu jsiru fit-tielet sular u li qatt ma kien telgħa fir-raba’ sular, ħlief dakinhar tal-elezzjoni. Is-Sur Chetcuti qal li kienu jiġu diskussi proposti dwar policies li setgħu jiġu addotati meta l-Partit Laburista jkun fil-Gvern. Qal li fost dawn qal li kien il-proposta tal-first time buyers.

Mistoqsi jekk ġewx diskussi xi proġetti, is-sur Chetcuti wieġeb li qatt ma ġew diskussi proġetti specifici. Spjega kif kien ikun hemm negozjanti li kienu jiftħu qalbhom ma’ Dr Muscat dwar l-isfidi li kien qiegħed jiffaċja n-negozju tagħhom.

Dwar Keith Schembri, is-sur Chetcuti qal li qatt ma ltaqa’ miegħu sal-elezzjoni tal-2013, u li l-ewwel darba li ltaqa’ miegħu kien f’Kastilja meta s-sur Schembri nħatar Chief of Staff. Is-sur Chetcuti qal li l-laqgħat mas-sidien tan-negozji komplew wara l-elezzjoni u kienu jsiru f’diversi postijiet fosthom fil-palazz tal-Girgenti.

Dwar id-donazzjonijiet mis-sidien tan-negozju, qal li huwa kien jibgħathom għand il-kap eżekuttiv tal-Partit u li dejjem ingħata irċevuta. Is-sur Chetcuti qal li huwa kien jagħti donazzjonijiet liż-żewġ partiti u kien lest jippreżenta lill-inkjesta l-irċevuti li ħa miegħu fl-awla.

Huwa spjega kif ma kienx involut fl-elezzjoni tal-2017 minħabba li kellu releazzjoni tajba ma’ Simon Busittil, u ddeċieda li ma jinvolvix ruħu. Mistoqsi mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino dwar ix-xhieda mogħtija mill-ispeaker Anġlu Farrugia dwar il-preżenza tiegħu fiċ-ċentru Nazzjonali Laburista, is-sur Chetcuti qal li ma jistax jifhem kif minn negozjanti kollha, ftakar lilu biss.

Fis-seduta xehed ukoll l-ex aġent kummisarju Ray Zammit li qal kif kienu jsiru rondi spissa barra r-residenza ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li r-records tar-rondi qegħdin fl-għassa tal-Mosta.

Mistoqsi mill-bord tal-inkjesta, dwar jekk qattx għamel evalwazzjoni tar-riskju li setgħet kellha Daphne Caruana Galizia, is-sur Zammit qal li qatt ma ħass li kien hemm thedida fuq Daphne Caruana Galizia.

Dwar il-kariga ta’ aġent Kummissarju xehed li bagħat għalih il-Prim Ministru u offrielu l-kariga imma ma jafx għalfejn tpoġġa fil-pożizzjoni ta’ aġent. Mistoqsi dwar il-laqgħat mas-servizz tas-sigurta, qal li meta kien jghaddilu l-informazzjoni, ma kienx ikun hemm persuni mill-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Aħbarijiet Oħra
Pulizija

L-Assoċċjazzjoni tal-Pulizija Maltija kkundannat kull insult li għaddejj bħalissa fuq il-pulizija li tellgħet filmati fuq Tik Tok. Fi stqarrija fuq Facebook, l-Assoċjazzjoni qalet li tibqa’ tisħaq fuq aktar dixxiplina fil-Korp….

COVID-19

Il-Bank of Valletta qed javża li għada s-Sibt 30 ta’ Mejju, ħames Fergħat f’Malta u Aġenzija f’Għawdex se jkunu miftuħa bejn id-9.00am u 12.30pm. Il-lokalitajiet minn fejn tista’ tinqeda għada…

Safar

Permezz ta’ post fuq Facebook, il-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta qalet li qed tipprepara għall-mod ġdid ta’ vjaġġar u avżat li mill-1 ta’ Ġunju 2020 il-passiġġieri jridu bilfors jilbsu maskra…

Aktar