Qorti
Jixhed il-Ministru Michael Falzon quddiem l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia

Kompliet illum waranofsinhar l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fis-seduta tal-lum ix-xhud ewlieni kien il-Ministru Michael Falzon, li qal meta rreżenja minn Segretarju Parlamentari dwar il-każ ta’ Gaffarena, kien ħa d-deċiżjoni minn jeddu.

Fix-xhieda tiegħu fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Ministru Michael Falzon qal li r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar it-trasferiment tal-art lil Marco Gaffarena kien dak li kien u allura dehrlu li f’dik iċ-ċirkostanza kellu jirriżenja minn Segretarju Parlamentari. Qal li d-deċiżjoni kienet tiegħu u mhux tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat. Mistoqsi jekk kienx hemm affarijiet ulterjuri f’dak il-każ, Dr Falzon qal li jekk kien hemm ma kienx jaf bihom żgur.

Mistoqsi mill-Imħallfin x’kienet ir-relazzjoni tiegħu ma’ Dr Joseph Muscat u l-ex chief of staff Keith Schembri, il-Ministru Falzon qal li kien jattendi l-kabinett kważi dejjem. L-Imħallef Abigail Lofaro staqsietu jekk jaħsibx li Keith Schembri kellu ħafna poter. Dr Falzon wieġeb li chief of staff ta’ Prim Ministru bilfors ikollu ċertu poteri, qal iżda li lilu qatt ma kien jindaħallu. Staqsietu wkoll jekk jikkonfermax li l-imġiba tal-Prim Ministru u ċ-chief of staff tal-lum hix differenti u Dr Falzon wieġeb li kulħadd għandu l-istil tiegħu.

Il-Ministru Michael Falzon ammetta li ma kienx komdu meta ħarġu d-dettalji ta’ 17 Black. Qal li hu qatt ma kien involut f’dan u sostna li 17 Black qatt ma ġiet diskussa fil-laqgħat tal-Kabinett. Il-Ministru Falzon qal li r-reazzjoni tiegħu meta nqatlet Daphne Caruana Galizia kienet ta’ xokk. Dwar Yorgen Fenech qal li qatt ma rah Kastilja u li sar jaf bil-ħbiberija bejnu u Keith Schembri meta ħarġet fil-media.

Intant, il-familja tas-Sinjura Caruana Galizia fetħet kawża ċivili kontra l-5 persuni li implikati fil-qtil tal-ġurnalista f’Ottubru ta’ 3 snin ilu biex tfittixhom għad-danni morali u materjali. Dawn huma Alfred Degiorgio, George Muscat, Vince Muscat, Yorgen Fenech u Melvin Theuma.